Abbazija ta' Pannonhalma
L-Abbazija ta' Pannonhalma, magħrufa uffiċjalment bħala l-Arċiabbazija Benedittina jew Territorjali ta' Pannonhalma (bil-Latin: Archiabbatia jew Abbatia Territorialis Sancti Martini in Monte Pannoniae) hija binja Medjevali f'Pannonhalma, waħda mill-eqdem monumenti storiċi fl-Ungerija. Ġiet stabbilita fid-996 u tinsab qrib ir-raħal ta' Pannonhalma, fil-quċċata ta' għolja ta' 282 metru. Huwa maħsub li San Martin ta' Tours twieled taħt din l-għolja, u għalhekk fl-imgħoddi kienet imsejħa l-Għolja ta' San Martin (bl-Ungeriż: Márton-hegy). Dan l-isem wassal biex il-monasteru xi kultant kien jissejjaħ ukoll Márton-hegyi Apátság. Din l-abbazija hija t-tieni l-ikbar abbazija territorjali fid-dinja wara l-Abbazija ta' Monte Cassino.
Fost l-attrazzjonijiet tal-kumpless hemm il-Bażilika bil-Kripta (li nbniet fis-seklu 13), il-kjostri, il-librerija monumentali bi 360,000 volum, ir-Refettorju Barokk (b'diversi eżempji ta' trompe-l'œil) u l-Kollezzjoni tal-Arċiabbazija (it-tieni l-ikbar fil-pajjiż).
Illum il-ġurnata hemm madwar 50 patri jgħixu fil-monasteru. L-abbazija hija ssupplimentata mill-Iskola Superjuri Benedittina, skola fejn is-subien jistudjaw u jgħixu fiha waqt is-semestri tal-istudji tagħhom.
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]L-abbazija ġiet stabbilita bħala l-ewwel monasteru Benedittin Ungeriż fid-996 mill-Prinċep Géza, li ddeżinjaha bħala post fejn setgħu jgħixu l-patrijiet, u mbagħad f'qasir żmien saret iċ-ċentru tal-ordni Benedittina. Il-monasteru nbena f'ġieħ San Martin ta' Tours. Iben Géza, ir-Re Stiefnu I ta proprjetajiet u privileġġi lill-monasteru. Astrik (Anastażju) kien l-ewwel patri superjuri.
L-eqdem dokument eżistenti bil-lingwa Ungeriża, il-Karta tal-Abbazija Benedittina ta' Tihany li tmur lura għall-1055, għadu ppreservat fil-librerija. Fl-1096, fi triqtu lejn l-artijiet imqaddsa bħala mexxej ta' waħda mit-tliet armati tal-Kruċjati, id-Duka Godfrey ta' Bouillon qatta' ġimgħa hemmhekk jinnegozja l-passaġġ sikur tal-armata tiegħu mill-Ungerija mar-Re Coloman. L-ewwel binjiet tal-komunità ġew meqruda fl-1137, u mbagħad ġew rikostruwiti. Il-pilastri tal-Bażilika u l-volta Gotika bikrija nbnew fil-bidu tas-seklu 13, billi ntużaw il-ħitan tal-knisja preċedenti. Fl-1486, l-abbazija ġiet rikostruwita bl-istil Gotiku taħt ir-Re Matthias.
Il-monasteru sar arċiabbazija fl-1541, u minħabba l-inkursjonijiet tal-Ottomani fl-Ewropa fis-sekli 16 u 17 ġie ffortifikat. Madankollu, matul seklu u nofs ta' okkupazzjoni Torka, il-patrijiet kellhom jabbandunaw l-abbazija għal perjodi qosra jew twal ta' żmien. Wara dan iż-żmien biss setgħu jibdew bir-rikostruzzjoni tal-binjiet li kienu ġarrbu xi ħsarat. Matul żmien il-patri superjuri Benedek Sajghó, kienet għaddejja kostruzzjoni Barokka ewlenija fil-monasteru.
Fis-sekli 17 u 18, ġew miżjuda estensjonijiet u tiżjin Barokki mal-kumpless u l-biċċa l-kbira tal-faċċati attwali jmorru lura għal dak iż-żmien. Ingħatat il-bixra attwali tagħha fl-1832, bil-librerija u bit-torri, li nbena bi stil Klassiku. Is-seklu 18, l-era tal-Illuminazzjoni influwenzat ukoll il-ħajja tal-monasteri. L-istat u l-monarki ġġudikaw l-operat tal-komunitajiet skont l-utilità immedjata, u fil-biċċa l-kbira ġew ittollerati dawk l-ordnijiet biss li kienu jipprattikaw l-indukrar u l-edukazzjoni. Fis-snin 60 tas-seklu 19, Ferenc Storno organised major renovations, mostly in the basilica.
Wara l-1945, l-Ungerija saret stat Komunist, u fl-1950, il-proprjetajiet tal-ordni u l-iskejjel immexxija mill-Benedittini ġew ikkonfiskati mill-istat, u ma ġewx irritornati qabel tmiem il-Komuniżmu fl-Ungerija. Fl-1995, sena qabel l-għeluq tal-millenju tal-abbazija, il-kumpless ġie rikostruwit u rinnovat għalkollox. Fl-1996, "l-Abbazija Benedittina Millenarja ta' Pannonhalma u l-Ambjent Naturali tagħha" tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]
Lista ta' patrijiet superjuri
[immodifika | immodifika s-sors]Il-patrijiet superjuri mid-997 sal-preżent kienu:
- Asztrik 997-1015
- Rasia 1015-b. 1029
- San Maurus b. 1029-1036
- ... 10??-1091
- Péter 1091-1103
- ... 1103-1124
- Deda 1124-1131
- Dávid 1131-1150
- Rafael 1151-1175
- Rajnald 1175-1180
- Simili 1180-1189
- Péter 1189-1192
- Bálazs 1192-1198
- János 1198-1201
- ... 1201-1207
- Uros 1207-1241
- ... 1241-1249
- Salamon 1249-1252
- Favus 1252-1262
- Bonifác 1263-1288
- Herman 1288-1300
- Miklós I 1300-1306
- Imre (Henrik) 1306-1307
- Jakab 1307-1308
- János 1308-1309
- László 1309-1311
- Miklós II 1312-1318
- Miklós III 1319-1333
- Hammer Vilmos 1333-1354
- Szigfrid 1355-1365
- László Czudar 1365-1372
- Domonkos 1372-1377
- László Piaszt der Weiße 1377-1379
- István 1380-1398
- Miklós Ferenc Marczali Dózsa 1399-1404
- János Albeni 1404-1406
- Konrád Ovári 1406-1408
- János Kropidló 1408-1421
- Miklós Dobói 1422-1438
- László Héderváry 1439-1447
- Tamás Döbrentei 1447-1467
- János Vitéz 1467-1472
- Mátyás Király 1472-1490
- Tamás Bakóc 1490-1492
- László Király 1493-1500
- Mátyás Tolnai 1500-1535
- Mihály Giöry 1535-1542
- Ferenc Bedegi Nyáry 1543-1547
- János Csanády 1548-1556
- László Martonfalvi 1556-1562
- Péter Bocsi Thorday 1563-1566
- István Fejérkövy 1567-1593
- ... 1593-1638
- Mátyás Pálffy 1638-1646
- Placid Magger 1647-1667
- ... 1667-1689
- Placid Lendvay 1689-1699
- Egyed Karner 1699-1708
- ... 1708-1722
- Benedek Sajghó 1722-1768
- Sámuel Vajda 1768-1795
- Dániel Somogyi 1795-1801
- ... 1801-1829
- Mór Czinár 1829-1841
- Mihály Rimely 1842-1865
- Krizosztom Károly Kruesz 1865-1885
- ... 1885-1892
- Lipót Fehér 1892-1910
- Tibor Hajdu 1910-1918
- ... 1918-1920
- Remig Bárdos 1920-1932
- Krizosztom Ferenc Kelemen 1933-1950
- Pál Sárközy 1951-1957
- Norbert Béla Legányi 1957-1969
- ... 1969-1973
- András Szennay 1973-1991
- Asztrik Várszegi 1991-2018
- Tamás Cirill Hortobágyi 2018-preżent.
Avvenimenti
[immodifika | immodifika s-sors]Pannonhalma żaruha, fost l-oħrajn, Alexius II, il-Patrijarka ta' Moska fl-1994, il-Papa Ġwanni Pawlu II fl-1996 u l-Patrijarka Bartholomew I ta' Kostantinopli u d-Dalai Lama fis-sena 2000. Fl-2005 inħadem film dwar il-patri superjuri tal-abbazija, Asztrik Várszegi, bit-titlu A közvetítő ("Il-Medjatur"). Stéphanie, il-Prinċipessa Eredi tal-Awstrija mietet hawnhekk u l-fdalijiet tagħha ndifnu fl-abbazija fl-1945.
F'Lulju 2011, il-qalb tal-eks Prinċep Eredi tal-Awstrija u tal-Ungerija Otto von Habsburg indifnet fl-Arċiabbazija ta' Pannonhalma.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]L-Abbazija Benedittina Millenarja ta' Pannonhalma u l-Ambjent Naturali tagħha ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]
Kumpless
[immodifika | immodifika s-sors]Bażilika u kripta
[immodifika | immodifika s-sors]Il-knisja attwali ta' Pannonhalma, kisba ewlenija tal-istil Gotiku bikri, inbniet fil-bidu tas-seklu 13 matul ir-renju tal-patri superjuri Uros, u x'aktarx li ġiet ikkonsagrata fl-1224. Xi sejbiet arkeoloġiċi reċenti minn taħt l-art tan-naħa tal-Punent tal-bażilika jmorru lura għas-seklu 11. L-eqdem segment li wieħed jista' jara attwalment fil-bażilika hu l-ħajt tal-korsija tan-Nofsinhar. Dan imur lura għas-seklu 12 u huwa fdal tat-tieni knisja li kienet inbniet fis-sit, u li ġiet ikkonsagrata fl-1137 matul ir-renju tal-patri superjuri Dávid.
Matul l-iskavi arkeoloġiċi nstabu żewġ daħliet moħbija wara l-ħitan fis-sagristija. Waħda minnhom x'aktarx li kienet id-daħla tat-Tramuntana tal-knisja tal-patri superjuri Dávid, filwaqt li l-oħra kienet id-daħla tal-knisja tal-patri superjuri Uros. Taħt l-art bejn l-artal ta' quddiem u t-taraġ tas-santwarju nstab ukoll qabar, x'aktarx dak tal-patri superjuri Uros.
Il-knisja ġiet estiża matul ir-renju tar-Re Matthias, meta tlestew ukoll is-saqaf attwali tas-santwarju, it-truf tal-Lvant tal-korsiji u l-Kappella ta' San Benedittu. Matul l-okkupazzjoni Torka, l-għamara tal-abbazija nqerdet għalkollox. L-iżjed rinnovazzjoni sinifikanti wara l-okkupazzjoni bdiet fis-snin 20 tas-seklu 18, taħt il-patri superjuri Benedek Sajghó. Ferenc Storno kien l-aħħar wieħed li wettaq rinnovazzjoni ewlenija tal-knisja fis-snin 60 tas-seklu 19. Dak iż-żmien żdiedu l-artal prinċipali, il-pulptu, l-affreski tas-saqaf, u t-tieqa tas-sular ta' fuq bil-ħġieġ ikkulurit ta' San Martin.
Porta Speciosa u l-kjostru
[immodifika | immodifika s-sors]Fil-Medju Evu waħda mid-daħliet prinċipali tal-knisja kienet il-Porta Speciosa (daħla b'tiżjin rikk). Din id-daħla tagħti għall-knisja mill-kjostru (quadrum jew quadratura) u nħadmet fis-seklu 13 ukoll. Fir-Rinaxximent Pannonhalma kienet pjuttost tilfet parti kbira mill-popolazzjoni tagħha (fejn kien fadal biss xi sitt patrijiet jew sebgħa). Taħt it-tmexxija tar-Re Matthias, fl-1472, inħoloq il-kjostru kif nafuh illum. Il-kostruzzjoni x'aktarx li tlestiet fl-1486, kif mixhud bil-kitba mnaqqxa fuq waħda mill-ġebliet tax-xewka. X'aktarx li x-xogħol kien twettaq mill-artiġjani tal-Istudjo Rjali tal-Kostruzzjoni ta' Visegrád.
Il-ġnien intern żgħir imdawwar mill-kjostru kien jissejjaħ ukoll Paradisum (Ġenna) metaforikament b'referenza għall-ġenna Bibblika fid-dinja. Fil-Medju Evu tkabbru b'mod prinċipali ħxejjex aromatiċi biex b'hekk dawk li kienu fil-bżonn setgħu jirkupraw għalkollox is-saħħa tagħhom qishom qegħdin il-ġenna.
Librerija
[immodifika | immodifika s-sors]Il-librerija tlestiet fl-ewwel terz tas-seklu 19. Il-parti lonġitudinali tal-binja ġiet ippjanata u nbniet minn Ferenc Engel fis-snin 20 tas-seklu 19. Iktar 'il quddiem János Packh ġie kkummissjonat bit-tkabbir tal-binja u bena s-sala ovali. Joseph Klieber, mastru minn Vjenna ġie mitlub iżejjen il-binja minn ġewwa.
Fuq l-erba' naħat tas-saqaf tas-sala ovali hemm l-allegoriji għall-erba' fakultajiet tal-università Medjevali: id-Dritt, it-Teoloġija, il-Mediċina u l-Arti. Il-volumi tal-librerija baqgħu jiżdiedu minn dak iż-żmien. F'Pannonhalma ġew ikkatalogati manuskritti minn żmien San László. Attwalment fil-kollezzjoni tal-librerija hemm 360,000 volum.
Refettorju Barokk
[immodifika | immodifika s-sors]Fis-seklu 18, il-patri superjuri Benedek Sajghó (1722-1768) ordna li l-patri Karmelitan Atanáz Márton Witwer jiddisinja l-elementi Barokki tal-monasteru. Il-kostruzzjoni tas-sala rettangolari għolja żewġ sulari b'volta tat-tip cavetto x'aktarx li tmur lura għat-tieni nofs tas-snin 20 tas-seklu 18. Il-pitturi (secco) mal-ħitan inħolqu bejn l-1728 u l-1730 minn Davide Antonio Fossati, artist Żvizzeru li iktar 'il quddiem mar jgħix Venezja. Il-pittura secco tas-saqaf turi l-apoteożi tar-Re San Stiefnu. Is-sitt xeni Bibbliċi magħrufa sew mal-ħitan laterali huma tematikament marbuta mal-ikel: l-offerta tal-ħall lil Kristu fuq is-Salib; it-tentazzjoni ta' Ġesù fid-deżert; Danjel mal-iljuni; il-festa tar-Re Baltażar; il-qtugħ ir-ras ta' San Ġwann il-Battista; u xena mill-ħajja ta' San Benedittu.
Monument tal-Millenju
[immodifika | immodifika s-sors]Sabiex jiġi ċċelebrat għeluq il-millenju tal-insedjament tal-Ungeriżi fit-896, inbnew seba' monumenti fil-Baċir tal-Karpazji fl-1896. Wieħed minnhom għadu preżenti sa llum il-ġurnata f'Pannonhalma. Oriġinarjament il-binja kienet imsaqqfa b'koppla b'qoxra doppja għolja 26 metru, b'riljiev kolossali tar-ram isfar fuqha, li kienet tirrappreżenta l-kuruna rjali Ungeriża. Madankollu, minħabba l-istat ta' deterjorament tagħha, il-qoxra ta' barra kellha tiżżarma fl-1937-1938, u l-binja ħadet il-bixra attwali. Id-dawl fuq ġewwa, f'kamra ċirkolari mhux diviża u msaqqfa b'koppla baxxa (jiġifieri l-qoxra ta' ġewwa oriġinali), jidħol minn żewġ twieqi. L-affresk mhux komplut li jżejjen il-ħajt tal-Lvant huwa viżjoni allegorika tal-Istabbiliment tal-istat Ungeriż u tpitter minn Vilmos Aba-Novák fl-1938.
Kappella tal-Madonna
[immodifika | immodifika s-sors]Il-kostruzzjoni tal-Kappella tal-Madonna bdiet fl-1714. Oriġinarjament kienet post ta' qima għall-popolazzjoni mhux nattiva li kienet tgħix qrib l-abbazija. Il-kappella, bit-tliet artali Barokki tagħha u l-orgni żgħir tas-seklu 18, ġiet rinnovata fl-1865, meta mbagħad seħħ it-tiżjin Romantiku tal-ħitan u tad-daħla. Il-kripta taħt il-kappella ntużat bħala l-post tad-dfin tal-patrijiet għal sekli sħaħ. Ħdejn il-kappella hemm torri tal-osservazzjoni magħmul mill-injam.
Arboretum (Ġnien Botaniku)
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1830 fl-artijiet tal-Arċiabbazija kien hemm sa 80 speċi ta' siġar u ta' arbuxxelli. Permezz tad-disinn ta' Fábián Szeder fis-snin 40 tas-seklu 19 issawwar il-ġnien botaniku jew l-arboretum attwali. Illum il-ġurnata l-arboretum fih iktar minn 400 speċi ta' siġar u ta' arbuxxelli, u bosta minnhom huma speċijiet u varjetajiet rari fl-Ungerija.
Użi attwali
[immodifika | immodifika s-sors]Arkivji
[immodifika | immodifika s-sors]L-arkivji tal-Arċiabbazija Benedittina ta' Pannonhalma fihom waħda mill-iżjed kollezzjonijiet rikki u imprezzabbli ta' dokumenti mill-ewwel sekli tal-istat Ungeriż. Jinkludu l-karta interpolata tal-monasteru (1001-1002) ta' San Stiefnu, il-karta tal-istabbiliment tal-Abbazija ta' Tihany (1055), u l-ewwel test magħruf bil-miktub li jinkludi kliem u frażijiet bl-Ungeriż. Fost ir-rekords Medjevali ta' Pannonhalma, hemm dawk tal-monasteru bid-drittijiet sabiex jinħarġu dokumenti uffiċjali (locus authenticus), u r-rekords tal-abbaziji ta' Bakonybél, ta' Tihany u ta' Dömölk li jikkostitwixxu entitajiet separati. L-arkivju fih kollezzjoni ta' dokumenti mill-uffiċċju tal-patri superjuri, mill-Iskola Teoloġika u mill-eks Skola tat-Taħriġ tal-Għalliema tal-ordni, mill-eks skejjel sekondarji u minn dawk attwali, mid-djar dipendenti fuq il-Benedittini, mill-uffiċċji tal-finanzi tal-Arċiabbazija, u mid-dokumentazzjoni tal-parroċċi li jagħmlu parti mill-hekk imsejħa Abbazija Territorjali. Parzjalment bħala depożitu u parzjalment bħala wirt, l-arkivji tal-familji Guary, Somogyi, Chernel, Kende, Erdődy u Lónyay żdiedu mal-kollezzjoni tal-arkivji tal-Arċiabbazija. Id-daqs tal-arkivji jlaħħaq il-192 metru.[2]
Kulleġġ tat-Teoloġija ta' Szent Gellért
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-Arċiabbazija hemm Kulleġġ tat-Teoloġija ddedikat lil San Gerard ta' Csanád.
Produzzjoni tal-inbid
[immodifika | immodifika s-sors]Il-produzzjoni tal-inbid bdiet fir-reġjun ta' Pannonhalma-Sokoróalja meta l-patrijiet Benedittini stabbilew il-monasteru ta' Pannonhalma fid-996. L-għawġ soċjali u politiku wara t-Tieni Gwerra Dinjija għamilha impossibbli li jitkomplew it-tradizzjonijiet antiki sekli sħaħ, peress li kemm il-proprjetajiet kif ukoll il-kantina tal-produzzjoni tal-inbid ittieħdu f'idejn l-istat Komunist. Fid-deċennji ta' wara, il-patrijiet li kienu jgħixu f'Pannonhalma ma qatgħux qalbhom li jerġgħu jqanqlu t-tradizzjonijiet tal-produzzjoni tal-inbid. Mill-waqgħa tal-Komuniżmu, il-patrijiet reġgħu qanqlu t-tradizzjonijiet tal-produzzjoni tal-inbid u l-kantini tal-inbid. Fis-sena 2000, l-abbazija reġgħet xtrat il-vinji li kienu ġew ikkonfiskati mill-Komunisti u reġgħu bdew ikabbru d-dwieli fl-istess sena. L-inbid jiġi prodott f'erja ta' 2,000 m² b'kapaċità ta' 3,000 hls. Il-varjetajiet prinċipali tal-għeneb huma Rhine Riesling, Sauvignon blanc, Gewürztraminer, Welschriesling, Ezerjó u Sárfehér. Barra minn hekk, jitkabbru wkoll varjetajiet iktar internazzjonali ta' għeneb bħal Chardonnay, Pinot blanc, Pinot noir, Merlot u Cabernet Franc. Attwalment hemm 37 ettaru ta' vinji ġodda u l-ewwel ħsad seħħ fil-ħarifa tal-2003.[3]
Fil-madwar
[immodifika | immodifika s-sors]Madwar il-monasteru wieħed jista' jsib dawn li ġejjin:
- il-Posti tas-Salib (Barokk, 1724),
- it-Torri tal-Osservazzjoni ta' San Maurice fil-boskijiet fil-qrib.
Iktar qari
[immodifika | immodifika s-sors]- Csóka G., Szovák K., Takács I. (2000): Pannonhalma - Képes kalauz a bencés Főapátság történetéhez és nevezetességeihez. (Guide to Pannonhalma Archabbey: history and sightseeings). Pannonhalmi Főapátság, Pannonhalma.
- Hapák J. (2000): Pannonhalma. Magyar Könyvklub, Pannonhalmi Főapátság (ISBN 963 547 158 0).
- Hapák J., Sólymos Sz. (2008): Pannonhalma. Kossuth Könyvkiadó, Pannonhalmi Főapátság (ISBN 978-963-09-5750-2).
- Gerevich T. (1938): Magyarország románkori emlékei. (Die romanische Denkmäler Ungarns.) Egyetemi nyomda. Budapest.
- Szőnyi O. (É.n.): Régi magyar templomok. Alte Ungarische Kirchen. Anciennes églises Hongroises. Hungarian Churches of Yore. A Műemlékek Országos Bizottsága. Mirályi Magyar Egyetemi Nyomda, Budapest.
- Henszlmann, I. (1876): Magyarország ó-keresztyén, román és átmeneti stylü mű-emlékeinek rövid ismertetése, (Old-Christian, Romanesque and Transitional Style Architecture in Hungary). Királyi Magyar Egyetemi Nyomda, Budapest.
- Genthon I. (1959): Magyarország műemlékei. (Architectural Heritage of Hungary). Budapest.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Millenary Benedictine Abbey of Pannonhalma and its Natural Environment". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-29.
- ^ "The Vazul-line". mek.oszk.hu. Miġbur 2023-03-29.
- ^ "Abbey Winery Pannonhalma". web.archive.org. 2012-07-24. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-07-24. Miġbur 2023-03-29.