Gżejjer Eolji
Il-Gżejjer Eolji (bit-Taljan: Isole Eolie [ˈiːzole eˈɔːlje]), li xi kultant jissejħu wkoll il-Gżejjer Lipari wara l-ikbar gżira, huma arċipelagu vulkaniku fil-Baħar Tirren fit-Tramuntana ta' Sqallija. Isem il-gżejjer oriġina mis-semialla tal-irjieħ Eolu, mill-mitoloġija Griega.[1] L-abitanti tal-gżejjer jissejħu Eoljani. Skont iċ-ċensiment tal-2011, il-gżejjer kellhom popolazzjoni permanenti ta' 14,224 ruħ; skont stima uffiċjali tal-1 ta' Jannar 2019, il-popolazzjoni żdiedet għal 15,419-il ruħ. Il-Gżejjer Eolji huma destinazzjoni turistika popolari, speċjalment fis-sajf, u jattiraw xi 600,000 viżitatur kull sena.[2]
Hemm seba' gżejjer abitati: Lipari, Vulcano, Salina, Stromboli, Filicudi, Alicudi u Panarea; u sett ta' gżejriet u blat ħdejn Panarea msejħa Basiluzzo, Dattilo u Lisca Bianca.
Ġeografija
[immodifika | immodifika s-sors]L-għamla attwali tal-Gżejjer Eolji hija r-riżultat tal-attività vulkanika matul perjodu ta' 260,000 sena. Hemm żewġ vulkani attivi – Stromboli u Vulcano.[3] L-attività vulkanika hija preżenti fil-biċċa l-kbira tal-gżejjer permezz ta' rilaxxi tal-fwar u ilmijiet termali. Permezz tal-attività vulkanika, il-ħamrija tal-gżejjer hija għammiela ħafna u din iffavuriet it-tkabbir tal-flora naturali.[4]
Ġeoloġikament, l-arċipelagu huwa definit bħala ark vulkaniku.[5] L-oriġini tal-gżejjer hija frott il-moviment tal-qoxra tad-dinja bħala riżultat tal-moviment tal-plakki tettoniċi tad-dinja. Il-blata kontinentali Afrikana qed tiċċaqlaq b'mod kostanti lejn l-Ewropa. Is-subduzzjoni tagħha taħt il-plakka Ewropea tiġġenera l-magma, li titla' fil-wiċċ u tifforma l-vulkani. L-“Ark Eolju” huwa estiż fuq iktar minn 140 km, iżda ż-żona ta' instabbiltà ġeoloġika kkawżata mill-kolliżjoni bejn l-Afrika u l-Ewropa hija ferm ikbar. Din tinkludi Sqallija, Calabria, u Campania flimkien mal-Greċja u l-gżejjer tal-Eġew.
Is-seba' Gżejjer Eolji, li jkopru żona ta' 1,600 km2 u li jinsabu 12-il mil nawtiku mill-kosta ta' Milazzo fi Sqallija, oriġinaw fil-Baċir Tirren, biċċa art watja kbira fil-qiegħ tal-Baħar Tirren. L-iżbroffar tal-lava minn fond ta' xi 3,600 metru rriżulta fil-ħolqien tal-Gżejjer Eolji, flimkien ma' Ustica u sensiela ta' vulkani taħt il-baħar imsejħin Magnani, Vavilov, Marsili u Palinuro, u tnejn oħra mingħajr isem.
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Preistorja
[immodifika | immodifika s-sors]Il-preżenza tal-bniedem fuq l-arċipelagu ilha minn żmien il-qedem. X'aktarx, in-nies fiż-żminijiet preistoriċi ġew attratti mill-preżenza tal-kwantitajiet kbar ta' ossidjana, li hija blata vulkanika sewda bħal-lava iżda li tleqq bħall-ħġieġ. Bis-saħħa ta' din il-blata, il-Gżejjer Eolji kien waqfa importanti fir-rotot kummerċjali. L-ewwel insedjamenti li nstabu l-fdalijiet tagħhom kienu ta' żmien in-Neolitiċi bejn il-5500 u l-4000 Q.K., f'Lipari u Salina, fejn instabu traċċi ta' vażuni taċ-ċeramika u tal-ossidjana maħduma. L-ossidjana, li dak iż-żmien kienet materja prima importanti ħafna minħabba li kienet waħda mill-iktar materjali jaqtgħu li l-bniedem kien jaf bihom dak iż-żmien, wasslet għal traffiku kummerċjali intensiv: bis-saħħa ta' din il-materja prima, il-gżejjer tal-arċipelagu kellhom prosperità notevoli u għalhekk kien hemm ħafna strutturi tal-abitazzjoni u villaġġi. L-ossidjana tal-Gżejjer Eolji, instabet fi Sqallija, fin-Nofsinhar tal-Italja, fil-Ligurja, fi Provenza u fid-Dalmazja. Fil-gżira ta' Lipari nstab l-ikbar insedjament ta' dak iż-żmien. L-ossidjana minn Lipari kienet tiġi ttrasportata fi kwantitajiet kbar lejn il-gżira ta' Salina fejn kienet tinħadem.
Fil-medda art watja kbira ta' Rinicedda f'Leni (Salina) ġew skoperti l-fdalijiet ta' qishom tined bi frammenti tat-tafal u tal-fuħħar. Madankollu, ma kienx hemm il-ħofor tas-soltu li kien ikun hemm biex fihom jiddaħħlu z-zkuk li kienu jirfdu l-istruttura tat-tined. L-insedjament ta' Castellaro Vecchio f'Lipari huwa tal-istess perjodu, u hemmhekk instabu bċejjeċ taċ-ċeramika tal-kultura ta' Stentinello. Il-vażuni kienu jinħadmu bl-idejn, għaliex it-torn ma kienx għadu jeżisti. L-għamliet tagħhom kienu sempliċi u d-dekorazzjonijiet kienu jsiru bl-idejn jew b'xorta ta' puntelli li kienu jintużaw biex il-wiċċ tagħhom jinbarax. Instabu wkoll dekorazzjonijiet ikkuluriti bi strixxi ħomor kif kien isir fin-Nofsinhar tal-Italja. F'Panarea, instab framment iddekorat bl-istil ta' Serra d'Alto li huwa wieħed mill-iktar stili evoluti tan-Neolitiku. Fir-raba' millenju Q.K., matul il-perjodu tal-kultura tal-villaġġ ta' Diana ta' Lipari, kien hemm insedjamenti fuq il-Gżejjer Eolji kollha għajr fuq Vulcano.
Instabu fdalijiet ta' tined ta' Żmien ir-Ram (3000-2300 Q.K.) f'Filicudi, f'Panarea, fi Stromboli e f'Salina. Fi Stromboli, fl-inħawi ta' Serro Fareddu f'għoli ta' 130 metru. F'Panarea, fl-inħawi ta' Piano Quartara nstabu bċejjeċ taċ-ċeramika tal-kultura ta' Malpasso-San Ippolito.
Bejn is-16 u l-14-il sekli Q.K., il-gżejjer saru iktar importanti fir-rotta kummerċjali tal-metalli, b'mod partikolari kienet tiġi skambjata l-landa li kienet tiġi ttrasportata bil-baħar mill-bogħod ħafna, eż. mill-Brittanja, u kienet tiġi ttranżitata mill-Istrett ta' Messina biex tiġi ttrasportata lejn l-Orjent.
Fil-bidu tat-tieni millenju Q.K. fi Sqallija kien hemm il-kultura ta' Castelluccio, filwaqt li fil-Gżejjer Eolji kienet mifruxa l-kultura ta' Capo Graziano, li ġġib isimha mill-fdalijiet li nstabu f'Filicudi. F'Lipari nstab insedjament ta' din il-kultura b'tined jew bi strutturi ċirkolari b'ħitan tal-ġebel mingħajr tkaħħil, qishom ħitan tas-sejjieħ, f'xifer l-irdumijiet. Instabu diversi għamliet tal-bċejjeċ taċ-ċeramika ta' dan il-perjodu u sa Żmien il-Bronż kien hemm influss qawwi tal-kultura ta' Thapsos, magħrufa bħala l-kultura ta' Milazzo, minn Sqallija. F'dan il-perjodu kien hemm ukoll influwenzi minn Mycenae u mil-Lvant Qarib. Instabu wkoll fdalijiet ta' kultura differenti b'situli (vażuni kbar tal-bronż) u b'vażuni bikoniċi, magħrufa bħala ta' Awsonju I u ta' Awsonju II. Il-gżira ta' Lipari ġiet kolonizzata minn grupp ta' Griegi għall-ħabta tas-sena 580 Q.K., u f'dan il-perjodu l-arċipelagu kiseb ismu Eolie, Αιόλιαι, u sar magħruf fil-mitoloġija permezz ta' Omeru bħala l-post fejn jgħix is-semialla tal-irjieħ, Eolo.[6]
Żmien il-Griegi u r-Rumani
[immodifika | immodifika s-sors]Fil-perjodu tal-Griegi wkoll, il-Gżejjer Eolji kienu importanti ġeografikament u strateġikament għar-rabtiet bejn it-Tirreni (l-Etruski), il-Feniċi (il-Kartaġiniżi) u l-Griegi (kemm tal-Greċja proprja propria kif ukoll tal-Manja Greċja u ta' Sqallija, b'rabtiet partikolari mal-bliet tul l-Istrett ta' Messina u ma' Siracusa). Fin-nekropoli rikki ta' Lipara nstabu vażuni u materjali importati mill-Greċja (ta' Korinzja, ta' Ateni e ta' Jonja) kif ukoll bċejjeċ lokali lussużi. Ta' interess partikolari kienu l-bċejjeċ tat-terrakotta kif ukoll l-anfori tar-raba' seklu li kellhom elementi simili għal dawk tan-Nofsinhar tal-Italja u bċejjeċ ikkuluriti tat-tielet seklu li ġew prodotti lokalment.
Matul l-ewwel Gwerra Punika, il-gżejjer kienu xhieda tal-ġlied kontinwu bejn Ruma u Kartaġni, u Lipari nħakmet minn Ruma fis-sena 252. Fi żmien ir-Rumani, il-Gżejjer Eolji saru ċentri kummerċjali tal-kubrit, tal-allumi, tal-melħ, tal-inbid u tal-garum (zalza tal-ħut). F'dan il-każ ukoll, meta wieħed iqis ulk-il-fdalijiet ta' ġojjellerija, kontenituri tal-ħġieġ, kif ukoll bċejjeċ ta' sarkofagi u statwi funebri, wisq probabbli l-livell ta' għajxien kien tajjeb ħafna.
Dominazzjonijiet suċċessivi
[immodifika | immodifika s-sors]Fil-perjodu bejn is-sena 836 u s-sena 837, l-arċipelagu ġie assedjat mill-armata ta' Al-Fadl ibn Yaʿqūb (li mbagħad ġie sostitwit ftit wara mill-gvernatur il-ġdid Abū l-Aghlab Ibrāhīm bin Abd Allāh bin al-Aghlab, il-kuġin tal-emir Ziyadat Allah I). Il-flotta Musulmana mmexxija minn Al-Fadl ibn Yaʿqūb iddevastat il-Gżejjer Eolji u rebħet diversi fortizzi tul il-kosta tat-Tramuntana ta' Sqallija. Fis-seklu 11, il-gżira ta' Lipari nħakmet min-Normanni li bnew abbazija Benedettina u taħt Ruġġieru II saret is-sede tal-isqof.
Fl-1544, meta Spanja ddikjarat gwerra kontra Franza, ir-re Franċiż Franġisku I talab l-għajnuna mingħand is-sultan Ottoman Sulejman il-Kbir. Is-sultan bagħat flotta kkmandata minn Khayr al-Din li attakkat il-Gżejjer Eolji, u qatlet u ddeportat ħafna mill-abitanti tal-gżejjer. Skont il-pjanijiet tiegħu, il-Gżejjer Eolji kellhom ikunu l-punt minn fejn seta' jattakka lil Napli.
Matul is-sekli ta' wara, il-popolazzjoni tal-gżejjer żdiedet bil-wasla ta' komunitajiet Spanjoli, Sqallin u mill-bqija tal-Italja. Fi żmien il-Borboni, il-gżira ta' Vulcano ntużat bħala kolonja penali għall-estrazzjoni mġiegħla tal-allumi u tal-kubrit.
Etimoloġija tal-ismijiet tal-gżejjer ewlenin
[immodifika | immodifika s-sors]- Lipari: fil-Greċja antika Lipàra (Λιπάρα jiġifieri xaħmija jew li tagħti l-frott) jew Meligunìs (Μελιγουνίς, isem li x'aktarx kien jirreferi għall-għasel, li bil-Grieg antik jissejjaħ méli, μέλι). Skont ipoteżi oħra, isem il-gżira oriġina minn ġebla tal-Mediterran bħat-terminu bil-Franċiż libe, li jfisser "blokka tal-ġebel".
- Salina: fil-Greċja antika Didỳmē (Διδύμη jiġifieri tewmija, b'referenza għaż-żewġ muntanji prinċipali tal-gżira li jixbħu lil xulxin). L-isem attwali jirreferi għal lag żgħir tal-ilma mielaħ li kien jintuża bħala salina (biex jinkiseb il-melħ bis-saħħa tax-xemx).
- Vulcano: fil-Greċja antika Hierà (Ἱερά jiġifieri sagra). Il-gżira kienet konsagrata għall-alla Efestu, imsejjaħ Vulkan mir-Rumani, li huwa l-oriġini tal-isem attwali tal-gżira.
- Stromboli: mill-Grieg antik Stronghỳlē (Στρογγύλη jiġifieri t-tonda).
- Filicudi: fil-Greċja antika Phoinicṑdēs (Φοινικώδης jiġifieri tal-palm) jew Phoinicùssa (Φοινικοῦσσα); iż-żewġ ismijiet joriġinaw minn fόinix, φοῖνιξ li tirreferi għall-palma nana, iżda anke għall-porpora.
- Alicudi: mill-Grieg antik Ericṑdēs (Ἐρικώδης) jew Ericùssa (Ἐρικοῦσσα), b'referenza għall-pjanta ta' ħaxixet il-mikinsa.
- Panarea: fil-Greċja antika Euṑnymos (Eὐώνυμος jiġifieri “ta' reputazzjoni/fama tajba”). L-isem attwali, ta' etimoloġija inċerta, ġie ddokumentat għall-ewwel darba fil-Kożmografija ta' Ravenna għall-ħabta tas-sekli 6 jew 7 bħala Pagnarea.
Trasport
[immodifika | immodifika s-sors]Wieħed jista' jżur il-Gżejjer Eolji bil-lanċa jew bl-aliskaf minn Cefalù, Capo d'Orlando, Patti, Vibo Valentia, Messina, Milazzo, Palermo, Sant'Agata di Militello, Salerno, Reggio Calabria, Tropea, Napli u Cetraro.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Gżejjer Eolji ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000. Il-valur universali straordinarju ta' dan il-wirt naturali tqies abbażi tal-kriterju (viii) “Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti”, ladarba l-fenomeni vulkaniċi tal-gżejjer jirrappreżentaw il-karattereistiċi klassiċi fl-istudju kontinwu tal-vulkanoloġija fid-dinja mis-seklu 18 'l hawn.[7]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Dixon-Kennedy, Mike (1998). Encyclopedia of Greco-Roman mythology (bl-Ingliż). p. 15. ISBN 1-57607-094-8.
- ^ "Eolie: Carabinieri devono garantire la sicurezza di 600 mila turisti ogni anno" (bit-Taljan). Il Giornale di Lipari. 2016-05-15. Miġbur 2021-03-05.
- ^ "The Aeolians: The Volcanic Islands". Sito Ufficiale del Turismo (bl-Ingliż). 2015-03-23. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2017-07-31. Miġbur 2021-03-05.
- ^ Gasson, John (2016-10-19). "Falling in Love With Italy's Blissful, Rustic Aeolian Islands". The New York Times (bl-Ingliż).
- ^ "ALEX STREKEISEN-The Aeolian archipelago". www.alexstrekeisen.it (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-05.
- ^ "Storia delle Isole Eolie". Eolie.me.it (bit-Taljan). Miġbur 2021-03-05.
- ^ "Isole Eolie (Aeolian Islands)" (bl-Ingliż). UNESCO World Heritage Centre. Miġbur 2021-03-05.