Aqbeż għall-kontentut

Luang Prabang

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Luang Prabang
 Laos
Amministrazzjoni
Stat sovranLaos
Province of LaosProvinċja ta' Luang Prabang
Ismijiet oriġinali ຫຼວງ ພະບາງ
Kodiċi postali 06000
Ġeografija
Koordinati 19°53′24″N 102°08′05″E / 19.89°N 102.1347°E / 19.89; 102.1347Koordinati: 19°53′24″N 102°08′05″E / 19.89°N 102.1347°E / 19.89; 102.1347
Lua error in Module:Location_map at line 485: Unable to find the specified location map definition: "Module:Location map/data/Laos" does not exist.
Superfiċjenti 820 hectare, 12,560 hectare
Għoli 305 m
Demografija
Popolazzjoni 53,792 abitanti (2012)
Informazzjoni oħra
Kodiċi tat-telefon 071
bliet ġemellati Chengdu
tourismluangprabang.org

Luang Phabang (bil-Lao: ຫລວງພະບາງ/ຫຼວງພະບາງ) jew Louangphabang (pronunzjata [lǔaŋ pʰāʔ.bàːŋ]), spiss trażlitterata bil-lingwi tal-Punent skont l-ortografija tal-Lao ta' qabel l-1975 ຫຼວງພຣະບາງ (ຣ = r li ma titlissinx) bħala Luang Prabang, li litteralment tfisser "Xbiha Rjali tal-Buddha", hija belt fit-Tramuntana tal-Laos ċentrali, li tikkonsisti minn 58 villaġġ biswit xulxin, li minnhom 33 villaġġ jiffurmaw is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO ta' Luang Prabang.[1] Is-sit tniżżel fl-1995 għall-wirt arkitettoniku, reliġjuż u kulturali uniku u tassew ippreservat, bħala taħlita tal-iżviluppi rurali u urbani matul is-sekli, fosthom l-influwenzi kolonjali Franċiżi matul is-sekli 19 u 20.

Iċ-ċentru tal-belt jikkonsisti minn erba' toroq prinċipali u jinsab f'peniżola fil-konfluwenza tax-xmajjar Nam Khan u Mekong. Luang Prabang hija magħrufa sew għad-diversi tempji u monasteri Buddisti tagħha. Kull filgħodu, mijiet ta' patrijiet mid-diversi monasteri jimxu tul it-toroq biex jittalbu għall-ikel. Waħda mill-attrazzjonijiet ewlenin tal-belt hija l-Għolja ta' Phou Si; għolja kbira u wieqfa li minkejja l-iskala mdaqqsa tal-belt, hija għolja 150 metru (490 pied); taraġ wieqaf jagħti għas-santwarju ta' Wat Chom Si b'veduta panoramika tal-belt u tax-xmajjar.[2][3]

Il-belt fl-imgħoddi kienet il-belt kapitali ta' renju tal-istess isem. Kienet magħrufa wkoll bl-isem tal-qedem ta' Xieng Thong.[4] Kienet il-belt kapitali rjali u s-sede tal-gvern tar-Renju tal-Laos, sal-ħakma tal-poter tal-Pathet Lao fl-1975. Il-belt tagħmel parti mid-Distrett ta' Luang Prabang tal-Provinċja ta' Luang Prabang u hija l-belt kapitali u ċ-ċentru amministrattiv tal-provinċja. Tinsab bejn wieħed u ieħor 300 kilometru (190 mil) fit-Tramuntana tal-belt kapitali tal-Laos Vientiane. Attwalment, il-popolazzjoni tal-belt kollha tlaħħaq madwar 56,000 abitant, filwaqt li l-qalba protetta tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO għandha popolazzjoni ta' madwar 24,000 ruħ.[5][6]

Renji tal-bliet-stati tad-Dvaravati

[immodifika | immodifika s-sors]

Sas-seklu 6 fil-wied tax-xmara Chao Phraya, il-poplu Mon kien issaħħaħ biex joħloq ir-renji tad-Dvaravati. Fit-Tramuntana, il-Haripunjaya (Lamphun) feġġew bħala setgħa rivali għad-Dvaravati. Sas-seklu 8, il-poplu Mon kien espanda lejn it-Tramuntana u ħoloq il-bliet-stati, f'Fa Daet (attwalment Kalasin, fil-Grigal tat-Tajlandja), f'Sri Gotapura (Sikhottabong) qrib dik li attwalment hija magħrufa bħala Tha Khek, il-Laos, f'Muang Sua (Luang Prabang), u f'Chantaburi (Vientiane). Fis-seklu 8 W.K., Sri Gotapura (Sikhottabong) kienet l-iżjed b'saħħitha fost dawn il-bliet-stati bikrin, u kienet tikkontrolla l-kummerċ tul in-naħa tan-nofs tax-xmara Mekong. Il-bliet-stati ma tantx kellhom rabta politika sfiqa, iżda kulturalment kienu simili u introduċew il-Buddiżmu Therevada mill-missjunarji tas-Sri Lanka fir-reġjun kollu.[7][8]

Perjodu ta' Lan Xang

[immodifika | immodifika s-sors]
Veduta ta' Luang Prabang fl-1897.
Is-suq f'Luang Prabang qabel l-1901.

Xieng Dong Xieng Thong esperjenzat perjodu qasir taħt il-Khmer immexxija minn Jayavarman VII mill-1185 sal-1191. Madankollu, sal-1180 is-Sipsong Panna kienu reġgħu kisbu l-indipendenza tagħhom mill-Khmer, u fl-1238 rewwixta interna fl-istazzjonament tal-Khmer f'Sukhothai keċċiet il-mexxejja tal-Khmer. Xieng Dong Xieng Thong fl-1353 saret il-belt kapitali tar-renju ta' Lan Xang. Fl-1359, ir-re Khmer minn Angkor ta Phra Bang lil ibnu tar-rispett, l-ewwel monarka ta' Lan Xang, Fa Ngum (1353–1373); sabiex tiġi pprovduta l-leġittimità Buddista kemm lir-renju ta' Fa Ngum u bħala estensjoni lis-sovranità tal-Laos, il-Buddiżmu Theravada nfirex fir-renju l-ġdid. Il-belt kapitali bdiet tissejjaħ Luangphabang, f'ġieħ xbieha rjali tal-Buddha. Luang Prabang għal żmien qasir ġiet okkupata mill-qawwiet tal-Vjetnam matul l-ispedizzjoni tal-Imperatur Lê Thánh Tông fl-1478–1480 kontra Lan Xang u Lanna. Il-belt kapitali ġiet ittrasferita lejn Vientiane fl-1560 mir-Re Setthathirath I, u baqgħet il-belt kapitali sa llum il-ġurnata.[9]

Fl-1707, Lan Xang sfaxxat minħabba taqbida dinastika u Luang Prabang saret il-belt kapitali tar-Renju indipendenti ta' Luang Phrabang. Meta Franza annettiet lil Laos, il-Franċiżi rrikonoxxew lil Luang Prabang bħala r-residenza rjali tal-Laos. Eventwalment, il-mexxej ta' Luang Prabang sar sinonimu mal-figura ewlenija tal-Laos. Meta l-Laos kisbet l-indipendenza, ir-re ta' Luang Prabang, Sisavang Vong, sar il-kap tal-istat tar-Renju tal-Laos.[10]

Tieni Gwerra Dinjija

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-ħsara kkawżata minn attakk terrestri Komunista fuq il-mitjar ta' Luang Prabang fl-1967.

Matul it-Tieni Gwerra Dinjija fil-belt seħħew bosta avvenimenti u wara l-gwerra ġiet okkupata minn diversi pajjiżi barranin (Franza ta' Vichy, it-Tajlandja, il-Ġappun Imperjali, Franza Ħielsa u ċ-Ċina Nazzjonalista). Inizjalment il-Franċiżi ta' Vichy kellhom il-kontroll tal-belt iżda tilfuha kontra l-qawwiet Tajlandiżi wara l-Gwerra bejn il-Franċiżi u t-Tajlandiżi tal-1940–1941. Fid-9 ta' Marzu 1945, grupp nazzjonalist iddikjara lil-Laos indipendenti mill-ġdid, b'Luang Prabang bħala l-belt kapitali tal-pajjiż, iżda fis-7 ta' April 1945 żewġ battaljuni ta' truppi Ġappuniżi okkupaw il-belt. Il-Ġappuniżi ppruvaw jobbligaw lil Sisavang Vong (ir-Re ta' Luang Prabang) jiddikjara l-indipendenza tal-Laos iżda fit-8 ta' April minflok huwa ddikjara t-tmiem tal-istatus tal-Laos bħala protettorat Franċiż. Imbagħad ir-re minn taħt bagħat lill-Prinċep Kindavong biex jirrappreżenta lil-Laos mal-Forzi Alleati u lil Sisavang Vatthana bħala rappreżentant mal-Ġappuniżi. Wara li l-Ġappuniżi arrendew kontra l-Alleati, qawwiet ta' Franza Ħielsa ntbagħtu biex jerġgħu jokkupaw lil-Laos u daħlu f'Luang Prabang fil-25 ta' Awwissu. Dak iż-żmien ir-re żgura lill-Franċiżi li l-Laos kien se jibqa' protettorat kolonjali Franċiż. F'Settembru, il-qawwiet nazzjonalisti Ċiniżi waslu u l-qawwiet Ġappuniżi arrendew, iżda l-qawwiet Ċiniżi minnufih bdew jixtru l-għelejjel tal-loppju tal-Laos.[11]

Gwerra Ċivili tal-Laos

[immodifika | immodifika s-sors]

F'April u f'Mejju 1946, il-Franċiżi ppruvaw jerġgħu jaħtfu lil-Laos bl-użu ta' paratruppi biex jerġgħu jieħdu l-kontroll ta' Vientiane u ta' Luang Prabang u jkeċċu lill-ministri ta' Phetsarath u ta' Issara 'l barra mil-Laos u lejn it-Tajlandja u l-Vjetnam. Matul l-Ewwel Gwerra tal-Indoċina, il-qawwiet ta' Viet Minh u ta' Pathet Lao ppruvaw jaħtfu l-belt diversi drabi fl-1953 u fl-1954, iżda ma tħallewx mill-qawwiet Franċiżi. Matul il-Gwerra Ċivili tal-Laos tas-snin 50, 60 u 70 tas-seklu 20, bażi tal-ajru Amerikana sigrieta ġiet stabbilita f'Luang Prabang fejn seħħ ħafna ġlied. Luang Prabang baqgħet il-belt kapitali rjali sal-1975, meta l-qawwiet Komunisti ta' Pathet Lao ħatfu l-poter bl-appoġġ tat-Tramuntana tal-Vjetnam u xoljew il-monarkija.[12]

Luang Prabang tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1995 fid-dawl tal-wirt arkitettoniku, reliġjuż u kulturali ppreservat sew tagħha.[1]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Luang Prabang ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1995.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[1]

Monarki ta' Luang Prabang

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Khun Lo, is-sinjur tal-gwerer li stabbilixxa l-belt;
  • Fa Ngum, il-prinċep ta' Luang Prabang li stabbilixxa Lan Xang;
  • Oun Kham, ir-re li rrenja taħt il-Franċiżi;
  • Kham Souk (Zakarine), ir-re li rrenja taħt il-Franċiżi u li ta spinta għall-indipendenza;
  • Sisavang Vong, re li rrenja taħt il-Franċiżi, u li meta Franza tat l-indipendenza lil-Laos, sar ir-re tal-pajjiż kollu.
Dgħajsa tax-xmara u nies f'parata tas-Sena l-Ġdida tal-Laos f'Luang Prabang.

Luang Prabang għandha siti kemm naturali kif ukoll storiċi. Fost is-siti turistiċi naturali hemm il-Kaskati ta' Kuang Si, il-Kaskati ta' Tat Sae u l-Għerien ta' Pak Ou. F'xi siti jiġu organizzati mawriet tal-irkib tal-iljunfanti wkoll. Phou Si, fiċ-ċentru tal-belt, toffri veduti panoramiċi tal-belt u tas-sistemi tax-xmajjar, u hija post popolari fejn wieħed igawdi nżul ix-xemx fuq ix-xmara Mekong. Fl-aħħar tat-triq prinċipali ta' Luang Prabang jiġi organizzat suq ta' billejl b'bankarelli li jbigħu ħwejjeġ, brazzuletti u tifkiriet turistiċi oħra. Il-Mużew tal-Palazz Irjali ta' Haw Kham u t-tempju ta' Wat Xieng Thong huma fost l-iżjed siti storiċi magħrufa. Il-belt, b'mod partikolari t-triq prinċipali, mimlija b'tempji iżgħar bħal Wat Hosian Voravihane. Kull filgħodu mas-sebħ, il-patrijiet jimxu f'purċissjoni tul it-toroq u jaċċettaw l-ikel kollu li jiġi offrut mir-residenti lokali, li sar avveniment popolari anke mat-turisti. L-irkib tar-roti fuq l-imħarbat huwa pjuttost komuni wkoll, b'mawriet ta' jum madwar il-belt jew sal-kaskati. 'L isfel mix-xmara Mekong, b'mawra ta' 15-il minuta miċ-ċentru tal-belt, Ban Chan (il-villaġġ tal-oġġetti tal-fuħħar) huwa post notevoli ieħor. Luang Prabang ingħatat it-titlu ta' "L-Aqwa Belt" fil-Premjijiet tal-Ivvjaġġar tal-2015.

O-lam, l-iżjed ikla popolari f'Luang Prabang.

Luang Prabang għandha storja artistika u gastronomika rikka u l-koki tal-belt kienu impjegati mir-re fl-imgħoddi. Fost il-platti tipiċi lokali hemm: l-Or lam (O-lam, l-iżjed ikla popolari fost iċ-ċittadini ta' Luang Prabang), iz-zalzett ta' Luang Prabang, il-Mokpa (ħut imsajjar bl-istim), u l-Kaipen magħmul minn muski tax-xmara Mekong (servuti mogħqlijin) flimkien mal-Jeow Bong famuż ta' Luang Prabang.

Stampa:Luang-Prabang-International-Airport-2017.jpg
L-Ajruport Internazzjonali ta' Luang Prabang.

Luang Prabang hija moqdija mill-Ajruport Internazzjonali ta' Luang Prabang b'titjiriet internazzjonali f'kull ħin.

Luang Prabang hija kkollegata mar-Rotta Nru 13, li tikkollega Vang Vieng u Vientiane man-Nofsinhar, u Boten fit-Tramuntana. It-triq hija pavimentata, għalkemm hemm xi ħofor 'l hemm u 'l hawn. Mill-2014, triq ġdida tikkollega lil Kasi (qrib Vang Vieng) ma' Luang Prabang, b'vjaġġ ta' madwar 3 sigħat (minflok 5 sigħat bir-Rotta Nru 13). Diversi karozzi tal-linja joperaw minn Vientiane għal Luang Prabang, u jdumu 11–13-il siegħa.

It-triq minn Huay Xai għal Luang Prabang ma tantx hija miżmuma u mdawla sew, hija remota u hija pjuttost perikoluża għal min mhux daqshekk midħla tagħha, b'mod partikolari fl-istaġun tax-xita. Il-karozzi tal-linja jagħmlu din ir-rotta regolarment u jdumu 14–16-il siegħa.

Jekk wieħed ikun ġej mill-Vjetnam, hemm karozzi tal-linja li joperaw billejl u li wieħed jista' jorqod fihom, u wieħed jista' jaqbadhom minn Hanoi għal Luang Prabang jew għal Vang Vieng.

Passaġġi fuq l-ilma

[immodifika | immodifika s-sors]

Ix-xmara Mekong stess hija modalità importanti tat-trasport. F'Chiang Khong wieħed jista' jaqbad barkun biex jaqsam minn naħa għall-oħra tax-xmara. Vjaġġ minn Huay Xai, it-Tajlandja, 'l isfel lejn Luang Prabang idum jumejn b'dgħajsa li timxi bil-mod, b'waqfa tipika f'Pakbeng.

Minn Diċembru 2021, Luang Prabang hija moqdija b'linja ferrovjarja ta' veloċità għolja minn Vientiane għal Boten. Il-linja ferrovjarja tgħaddi b'mod parallel mar-Rotta Nru 13, u sservi bħala l-ewwel linja ferrovjarja ewlenija tal-Laos mit-Tramuntana għan-Nofsinhar, minn Boten fil-fruntiera maċ-Ċina fit-Tramuntana sa Vientiane fin-Nofsinhar. Il-vjaġġ kollu jdum inqas minn 3 sigħat bil-ferrovija minflok 3 ijiem bit-triq.

Fil-belt hemm skola internazzjonali Franċiża li jisimha École Francophone de Luang Prabang.

Luang Prabang għandha klima pluvjali tropikali li talterna ma' klima niexfa (Aw skont il-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen). Filwaqt li l-belt tkun ġeneralment sħuna ħafna matul is-sena kollha, tkun ferm iktar friska f'Diċembru u f'Jannar. Luang Prabang tesperjenza wkoll staġun bix-xita minn April sa Ottubru u staġun bin-nixfa matul ix-xhur l-oħra. Il-belt kull sena jkollha preċipitazzjoni ta' madwar 1,450 millimetru (57 pulzier).

Data klimatika Luang Prabang, f'elevazzjoni ta' 305 metri, temp. fl-1991–2020
Xahar Jan Fra Mar Apr Mej Ġun Lul Aww Set Ott Nov Diċ Sena
Temp. għolja rekord °C (°F) 39.4
(102.9)
39.5
(103.1)
41.0
(105.8)
44.8
(112.6)
44.0
(111.2)
40.0
(104.0)
39.0
(102.2)
40.0
(104.0)
38.0
(100.4)
38.6
(101.5)
36.3
(97.3)
36.3
(97.3)
44.8
(112.6)
Medja massima kuljum °C (°F) 28.4
(83.1)
31.7
(89.1)
34.1
(93.4)
35.2
(95.4)
34.6
(94.3)
33.5
(92.3)
32.2
(90.0)
32.0
(89.6)
32.5
(90.5)
31.9
(89.4)
29.9
(85.8)
27.4
(81.3)
32.0
(89.6)
Medja kuljum °C (°F) 19.8
(67.6)
22.1
(71.8)
25.2
(77.4)
27.5
(81.5)
27.9
(82.2)
27.9
(82.2)
27.1
(80.8)
26.9
(80.4)
26.8
(80.2)
25.4
(77.7)
22.5
(72.5)
19.7
(67.5)
24.9
(76.8)
Medja minima kuljum °C (°F) 14.7
(58.5)
15.3
(59.5)
18.3
(64.9)
21.6
(70.9)
23.3
(73.9)
24.1
(75.4)
24.0
(75.2)
23.8
(74.8)
23.2
(73.8)
21.4
(70.5)
18.1
(64.6)
15.0
(59.0)
20.2
(68.4)
Temp. baxxa rekord °C (°F) 0.8
(33.4)
8.0
(46.4)
9.8
(49.6)
13.2
(55.8)
17.0
(62.6)
14.0
(57.2)
19.2
(66.6)
14.0
(57.2)
10.8
(51.4)
12.5
(54.5)
6.0
(42.8)
4.3
(39.7)
0.8
(33.4)
Preċipitazzjoni medja cm (pulzieri) 17.1
(0.67)
11.7
(0.46)
51.9
(2.04)
102.2
(4.02)
160.6
(6.32)
199.9
(7.87)
283.2
(11.15)
329.4
(12.97)
176.7
(6.96)
87.1
(3.43)
26.9
(1.06)
25.6
(1.01)
1,472.2
(57.96)
Medja għall-jiem bil-preċipitazzjoni (≥ 1.0 mm) 2 1 5 9 14 15 20 21 15 7 3 2 114
Medja tal-umdità relattiva (%) 82 77 74 76 81 85 87 89 87 86 84 85 82.8
Medja fix-xahar għas-siegħat bid-dawl tax-xemx 175.5 193.6 174.3 185.3 184.0 131.7 106.8 119.1 158.5 185.0 169.4 168.2 1,951.4
Sors 1: World Meteorological Organization
Sors 2: NOAA

Luang Prabang hija ġemellata ma':

  1. ^ a b ċ d "Luang Prabang - UNESCO". whc.unesco.org.
  2. ^ Cavendish, Marshall (Settembru 2007). World and Its Peoples: Eastern and Southern Asia. Marshall Cavendish Corporation. pp. 798–799. ISBN 978-0-7614-7639-9. p. 809.
  3. ^ Daniel White (it-28 ta' Jannar 2010). Frommer's Cambodia and Laos. John Wiley & Sons. pp. 270–. ISBN 978-0-470-61583-6.
  4. ^ "Thai to English dictionary, translation and transliteration". www.thai2english.com. Miġbur 2024-10-07.
  5. ^ Promkerd, Prasartthong; Khoprasert, Yuvaluk; Virathavone, Phongthep; Thoummabouth, Manivone; Sirisak, Ouane; Jäkel, Thomas (1 March 2008). "Factors explaining the abundance of rodents in the city of Luang Prabang, Lao PDR, as revealed by field and household surveys". Integrative Zoology. 3 (1): 11–20. doi:10.1111/j.1749-4877.2008.00069.x. ISSN 1749-4877. PMID 21396046.
  6. ^ "Overview". web.archive.org. 2016-04-19. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-04-19. Miġbur 2024-10-07.
  7. ^ "THE MON AND KHMER KINGDOMS". web.archive.org. 2021-09-24. Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-09-24. Miġbur 2024-10-07.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  8. ^ Kislenko, Arne (2009), Culture and Customs of Laos, Bloomsbury Academic, p. 19, ISBN 9780313339776.
  9. ^ Manlch, M.L. (1967) History of Laos, pp. 126–129.
  10. ^ "Promoting Conservation through ICT: Luang Prabang". globalurban.org. Miġbur 2024-10-07.
  11. ^ "Laos : Country Studies - Federal Research Division, Library of Congress". web.archive.org. 2015-07-21. Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-07-21. Miġbur 2024-10-07.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  12. ^ At War in the Shadow of Vietnam: U.S. Military Aid to the Royal Lao Government, 1955 – 1975. pp. 9–10.