Aqbeż għall-kontentut

Ani

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Monasteru tal-Verġni Hripsimjani

Ani (bl-Armen: Անի; bil-Grieg: Ἄνιον, Ánion;[1] bil-Latin: Abnicum;[2] bit-Tork: Ani)[3] hija belt Medjevali Armena[4] li issa tinsab f'qagħda ta' fdalijiet fil-provinċja ta' Kars, it-Turkija, qrib il-fruntiera magħluqa mal-Armenja.

Bejn id-961 u l-1045, Ani kienet il-belt kapitali tar-renju Armen Bagratid li kien ikopri l-biċċa l-kbira tal-Armenja u tal-Lvant tat-Turkija kif nafuhom illum il-ġurnata. Il-belt ikonika spiss kienet imlaqqma bħala l-"Belt tal-1,001 Knisja", għalkemm l-għadd ta' knejjes kien ferm inqas. Sa llum il-ġurnata, ġew skavi 50 knisja, 33 knisja ġol-għerien u 20 kappella mill-arkeologi u mill-istoriċi.[5] Ani kienet tinsab fuq diversi rotot kummerċjali u permezz tal-bosta binjiet reliġjużi, palazzi, u fortifikazzjonijiet sofistikati kienet tispikka fost iċ-ċentri urbani kontemporanji l-oħra fir-renju Armen. Fost l-iżjed binjiet notevoli tagħha kien hemm il-Katidral ta' Ani, li huwa assoċjat mal-eżempji bikrin tal-arkitettura Gotika, u l-istudjużi jargumentaw li influwenza l-katidrali l-kbar tal-Ewropa fl-istili Gotiċi u Rumaneski bikrin; il-volti mrikkbin tiegħu ma dehrux fil-katidrali Ewropej qabel żewġ sekli wara.[6][7][8] Fl-eqqel tagħha, Ani kienet waħda mill-ikbar bliet fid-dinja[9], b'popolazzjoni ta' ferm iktar minn 100,000 ruħ.[10]

Rinomata għall-ġmiel tagħha, Ani nsterqet mill-Mongoli fl-1236. Ani qatt ma rkuprat minn terremot devastanti tal-1319, u wisq iktar, wara li nbidlu r-rotot kummerċjali reġjonali, u ġiet abbandunata sas-seklu 17.[11][12] Ani hija simbolu rikonoxxut b'mod wiesa' tal-wirt kulturali, reliġjuż, u nazzjonali għall-Armeni. Skont Razmik Panossian, Ani hija waħda mill-iżjed simboli viżibbli u "tanġibbli" tal-kobor Armen fl-imgħoddi u b'hekk hija sors ta' kburija. Fl-2016 Ani żdiedet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[13][14]

Veduta ta' Ani mill-Armenja

Il-belt ħadet isimha mill-belt-fortizza Armena u ċentru pagan ta' Ani-Kamakh li tinsab fir-reġjun ta' Daranaghi fit-Tramuntana tal-Armenja. Ani preċedentement kienet magħrufa wkoll bħala khnamk (Խնամք), għalkemm l-istoriċi mhumiex ċerti għaliex kienet tissejjaħ hekk. Heinrich Hübschmann, filologu u lingwist Ġermaniż li studja l-lingwa Armena, issuġġerixxa li l-kelma jaf ġiet mill-kelma Armena khnamel (խնամել), infinittiv li jfisser "tieħu ħsieb" jew "tindokra". Ani kienet ukoll id-diminuttiv tal-alla femminili antika Anahit, li titqies bħala l-protettriċi tal-Armenja. Skont leġġenda, bint Aramazd, l-alla suprem tal-mitoloġija Armena, kienet tissejjaħ Anahit, u isimha jfisser "ta' xagħrha dehbi" jew "ta' idejha tad-deheb". Iżda għal xi raġuni, kull persuna li kienet tħares lejha kienet tgħid: "Ani!", li bl-Armen tfisser "dik" jew "l-isbaħ waħda", għaldaqstant sar l-iżjed isem komuni għaliha.[10]

Skont it-tieni edizzjoni tal-Enċiklopedija tal-Iżlam: "Sar suġġeriment li l-belt jaf ġabet isimha minn tempju tal-alla femminili Iranjana Anāhita (bil-Grieg: Anaďtis)".[4]

Bandiera tal-Bagratuni ta' Ani[15][16]

Il-belt tinsab ġo sit triangolari, viżivament drammatiku u difensiv naturalment, imħarsa fuq in-naħa tal-Lvant mill-irdum tax-xmara Akhurian u fuq in-naħa tal-Punent mill-wied ta' Bostanlar jew Tzaghkotzadzor. Ix-xmara Akhurian hija fergħa tax-xmara Araks u tifforma parti mill-fruntiera attwalment magħluqa bejn it-Turkija u l-Armenja. Is-sit jinsab f'elevazzjoni ta' madwar 1,340 metru.[17]

Is-sit jinsab madwar 400 metru mill-fruntiera bejn it-Turkija u l-Armenja. Fuq in-naħa l-oħra tal-fruntiera hemm il-villaġġ Armen ta' Kharkov li jagħmel parti mill-Provinċja ta' Shirak.[4]

Affiljazzjonijiet storiċi:

Id-dinastija Kamsarakan, is-seklu 5 W.K.

L-Armenja Bagratida, 961-1045.

L-Imperu Biżantin, 1045-1064.

L-Imperu Seljuk, 1064-1072.

Ix-Xaddadidi, 1072-1199.

Ir-Renju ta' Georgia, 1124-1236.

L-Armenja Zakarida, 1201-1360.

Kara Koyunlu, 1360-għall-ħabta tal-1380.

L-Imperu Timurid, għall-ħabta tal-1380-1430.

Aq Qoyunlu, għall-ħabta tal-1430-1500.

L-Iran Safavid, għall-ħabta tal-1500-1579.

L-Imperu Ottoman, 1579-1878.

L-Imperu Russu, 1878-1918.

Id-DFR Transkawkażika, 1918.

Ir-Repubblika tal-Armenja, 1918-1920.

Il-Gvern ta' Ankara, 1920-1923.

Ir-Repubblika tat-Turkija, 1923-preżent.

Storja bikrija

[immodifika | immodifika s-sors]
Mappa tal-Armenja Bagratida

Il-kronisti Armeni bħal Yeghishe u Ghazar Parpetsi semmew lil Ani għall-ewwel darba fis-seklu 5. Huma ddeskrivewha bħala fortizza qawwija mibnija fuq il-quċċata ta' għolja u b'sjieda tad-dinastija Kamsarakan Armena. Ġiet skoperta fis-17 ta' Settembru 1955 mill-arkeologu Mark Gioloany.[4]

Belt kapitali tal-Bagratuni

[immodifika | immodifika s-sors]
Mappa tas-sit arkeoloġiku ta' Ani

Sal-bidu tas-seklu 9, l-eks territorji tal-Kamsarakan f'Arsharunik u f'Shirak (inkluż Ani) kienu ġew inkorporati fit-territorji tad-dinastija Armena tal-Bagratuni.[18] Il-mexxej tagħhom, Ashot Msaker (Ashot li jiekol il-laħam; 806-827) ingħata t-titlu ta' ishkhan (prinċep) tal-Armenja mill-Kaliffat fit-804.[19] Il-Bagratuni kellhom l-ewwel belt kapitali tagħhom f'Bagaran, xi 40 kilometru fin-Nofsinhar ta' Ani, qabel ma ttrasferewha lejn Shirakavan, xi 25 kilometru fil-Grigal ta' Ani, u mbagħad ittrasferewha lejn Kars fid-929. Fid-961, ir-Re Ashot III (953-977) ittrasferixxa il-belt kapitali minn Kars għal Ani. Ani kibret malajr matul ir-renju tar-Re Smbat II (977-989). Fid-992, il-Kattolikosat Armen ċaqlaq is-sede tiegħu lejn Ani. Fis-seklu 10, il-popolazzjoni tal-belt kienet tlaħħaq madwar 50,000-100,000 ruħ.[20] Sal-bidu tas-seklu 11, il-popolazzjoni ta' Ani kienet ferm iktar minn 100,000 ruħ, u tant kienet rinomata li saret magħrufa bħala l-"belt tal-erbgħin daħla" u l-"belt tal-elf knisja u waħda". Ani saret ukoll is-sit tal-mawżolew irjali tar-rejiet Bagratuni.[21]

Ani laħqet il-qofol tal-poter tagħha matul ir-renju twil tar-Re Gagik I (989-1020). Wara mewtu, iż-żewġt itfal subien tiegħu ġġieldu minħabba s-suċċessjoni. L-iben il-kbir, Hovhannes-Smbat (1020-1041), kiseb il-kontroll ta' Ani filwaqt li ħuh iż-żgħir, Ashot IV (1020-1040), ikkontrolla partijiet oħra tar-renju tal-Bagratuni. Hovhannes-Smbat, minħabba biża' li l-Imperu Biżantin seta' jattakka r-renju mdgħajjef tiegħu, għamel lill-Imperatur Biżantin Basil II l-werriet tiegħu.[22] Meta Hovhannes-Smbat miet fl-1041, l-Imperatur Mikiel IV il-Paflagonjan, iddikjara s-sovranità fuq Ani. Ir-re l-ġdid ta' Ani, Gagik II (1042-1045), oppona din is-sovranità u diversi armati Biżantini li ntbagħtu biex jaħkmu lil Ani ġew irreżistiti. Madankollu, fl-1046 Ani arrendiet kontra l-Biżantini, wara li Gagik ġie mistieden f'Kostantinopli u ġie detenut hemmhekk, u b'istigazzjoni tal-elementi pro-Biżantini fost il-popolazzjoni. Gvernatur Biżantin tqiegħed fil-belt.[10]

Ċentru kulturali u ekonomiku

[immodifika | immodifika s-sors]

Ani ma kinitx tinsab tul xi rotta kummerċjali importanti qabel inbniet, iżda minħabba d-daqs, il-qawwa, u l-ġid tagħha, saret ċentru kummerċjali importanti. Is-sħab kummerċjali primarja tagħha kienu l-Imperu Biżantin, l-Imperu Persjan, l-Għarab, kif ukoll nazzjonijiet iżgħar fin-Nofsinhar tar-Russja u fl-Asja Ċentrali.[10]

Deklin u abbandun gradwali

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1064, armata Seljuk kbira taħt Alp Arslan attakkat lil Ani; wara assedju ta' 25 jum, l-armata ħakmet il-belt u qatlet il-popolazzjoni tagħha. Rendikont tal-ħakma, tas-serq u tal-massakri li saru f'Ani ngħata mill-istoriku Tork Sibt ibn al-Jawzi, li kkwota xhud li stqarr:

Xejru x-xwabel Persjani, mingħajr ma ffrankaw il-mewt lil ħadd... Hemmhekk wieħed seta' jara b'għajnejh l-ikbar niket u diżastru ta' kull żmien tal-umanità. L-ulied insterqu minn ħoġor ommhom u bla ħniena ta' xejn issabbtu mal-blat, filwaqt li ommijiethom imbagħad għannquhom imbikkmin u mdemmija... Il-belt imtliet minn naħa għall-oħra bl-iġsma tal-maqtula u [l-iġsma tal-maqtula] saru qishom triq. [...] L-armata daħlet fil-belt, immassakrat l-abitanti tagħha, serqet il-ir-rikkezzi tal-belt u tatha n-nar, u ħalliet warajha fdalijiet filwaqt li ħadet lil dawk kollha li baqgħu ħajjin bħala ħabsin... Tant kien hemm iġsma tal-mejtin li mblukkaw it-toroq; wieħed ma seta' jmur imkien mingħajr ma jirfes fuqhom. U l-għadd ta' ħabsin ma kienx inqas minn 50,000 ruħ. Jien kont iddeterminat biex nidħol fil-belt u nara l-qerda b'għajnejja stess. Ippruvajt insib triq fejn ma kelliex għalfejn ngħaddi minn fuq il-katavri; iżda dan kien impossibbli. (traduzzjoni mhux uffiċjali)[23]

Fl-1072, is-Seljuk bigħu lil Ani lix-Xaddadidi, dinastija Kurda Musulmana. Ix-Xaddadidi ġeneralment kienu favur politika ta' konċiljazzjoni fir-rigward tal-popolazzjoni tal-belt b'maġġoranza kbira ta' Armeni u Kristjani u fil-fatt iżżewġu diversi membri tan-nobbiltà Bagratida. Madankollu, kull meta l-governanza tax-Xaddadidi saret wisq intolleranti, il-popolazzjoni kienet tappella lir-Renju Kristjan ta' Georgia għall-għajnuna. Ir-Renju ta' Georgia ħakem lil Ani ħames darbiet bejn l-1124 u l-1209: fl-1124, fl-1161, fl-1174, fl-1199, u fl-1209.[24] Fl-ewwel tliet darbiet, reġgħet inħakmet mix-Xaddadidi. Fl-1199, ir-Reġina Tamar ta' Georgia ħakmet lil Ani u fl-1201 tat il-governorat tal-belt lill-ġenerali Zakare u Ivane.[25] Is-suċċessur ta' Zakare kien ibnu Shanshe (Shahnshah). id-dinastija l-ġdida ta' Zakare — iz-Zakaridi — ikkunsidraw lilhom infushom bħala s-suċċessuri tal-Bagratidi. F'qasir żmien il-prosperità reġgħet tkattret f'Ani; id-difiżi tal-belt issaħħew u nbnew bosta knejjes. Il-Mongoli ppruvaw jassedjaw lil Ani fl-1226 u ma rnexxielhomx, iżda fl-1236 ħakmuha u serquha, u mmassakraw għadd kbir tal-popolazzjoni tagħha. Taħt il-Mongoli, iz-Zakaridi komplew imexxu lil Ani, bħala l-vassalli tal-monarka ta' Georgia.[26]

Sas-seklu 14, il-belt tmexxiet minn suċċessjoni ta' dinastiji Torok lokali, inkluż il-Jalayridi u l-Kara Koyunlu (il-klan tan-Nagħaġ Suwed) li għamlu lil Ani l-belt kapitali tagħhom. Il-belt inqerdet b'terremot fl-1319. Tamerlane ħakem lil Ani fis-snin 80 tas-seklu 14. Wara mewtu l-Kara Koyunlu reġgħu kisbu l-kontroll iżda ttrasferew il-belt kapitali tagħhom lejn Yerevan. Fl-1441, il-Kattolikat Armen għamel l-istess ħaġa. Is-Safavidi Persjani mbagħad mexxew lil Ani sa ma saret parti mill-Imperu Ottoman fl-1579. Raħal żgħir baqa' jeżisti fi ħdan is-swar ta' Ani mill-inqas sa nofs is-seklu 17, iżda s-sit ġie abbandunat għalkollox sal-1735 meta l-aħħar patrijiet telqu mill-monasteru ta' Kizkale jew mill-Fortizza tal-Verġni.

Żminijiet moderni

[immodifika | immodifika s-sors]

"Mill-arkitettura Armena kollha, l-ifjen u l-iżjed eżemplari karatteristiċi jinsabu fil-fdalijiet tal-belt ta' Ani...", James Bryce, 1876.[27]

Fl-1905-1906, twettqu skavi arkeoloġiċi fejn il-Knisja ta' San Girgor tar-Re Gagik, immexxija minn Nikolai Marr.

Skavi arkeoloġiċi ta' Marr f'Ani

Fl-ewwel nofs tas-seklu 19, il-vjaġġaturi Ewropej skoprew lil Ani u żvelawha lill-bqija tad-dinja, billi ppubblikaw id-deskrizzjonijiet tagħhom f'ġurnali akkademiċi u f'rakkonti tal-ivvjaġġar. Kulma kien fadal mill-binjiet privati kien borġ ġebel iżda l-binji pubbliċi grandjużi u s-swar doppji tal-belt ġew ippreservati u tqiesu li jirrappreżentaw "bosta punti ta' sbuħija arkitettonika kbira". Ohannes Kurkdjian ipproduċa immaġni sterjoskopika ta' Ani fit-tieni nofs tas-seklu 19.

Fl-1878, ir-reġjun ta' Kars tal-Imperu Ottoman — inkluż Ani — ġie inkorporat fir-reġjun Transkawkażiku tal-Imperu Russu. Fl-1892 twettqu f'Ani l-ewwel skavi arkeoloġiċi, sponsorjati mill-Akkademja tax-Xjenzi ta' San Pietruburgu u taħt is-superviżjoni tal-arkeologu u l-Orjentalist mill-Georgia, Nicholas Marr (1864-1934). L-iskavi ta' Marr f'Ani tkomplew fl-1904 u baqgħu sejrin sena wara l-oħra sal-1917. Setturi kbar tal-belt ġew skavati b'mod professjonali, u bosta binjiet ġew żvelati u mkejla. Is-sejbiet ġew studjati u ppubblikati f'ġurnali akkademiċi, inkitbu gwidi tal-monumenti u għall-mużew, u s-sit kollu ġie mistħarreġ għall-ewwel darba.[28] Twettqu wkoll tiswijiet ta' emerġenza fuq il-binjiet li kienu l-iktar f'sogru li jċedu u jiġġarrfu. Ġie stabbilit mużew biex jospita l-għexieren ta' eluf ta' oġġetti li nstabu waqt l-iskavi. Dan il-mużew kien jinsab f'żewġ binjiet: il-moskea ta' Minuchihr, u binja tal-ġebel li nbniet apposta.[29] L-Armeni mill-villaġġi u mill-irħula ġirien bdew iżuru wkoll il-belt fuq bażi regolari[30], u kien saħansitra ntqal mit-tim ta' Marr li kienet se jinbnew skola biex teduka t-tfal Armeni lokali, u parks, kif ukoll kienu se jitħawwlu siġar biex is-sit jissebbaħ.[31]

Fl-1918, matul l-aħħar stadji tal-Ewwel Gwerra Dinjija, l-armati tal-Imperu Ottoman bdew jiġġieldu sabiex jidħlu fit-territorju tar-Repubblika tal-Armenja li kienet għadha kemm ġiet iddikjarata, u ħakmu lil Kars f'April 1918. F'Ani, saru tentattivi biex l-artefatti fi ħdan il-mużew jiġu evakwati malli s-suldati Torok qorbu lejn is-sit. Madwar 6,000 oġġett li kienu l-iktar portabbli tneħħew mill-arkeologu Ashkharbek Kalantar, li kien parteċipant tal-kampanji ta' skavi ta' Marr. Taħt it-tmexxija ta' Joseph Orbeli, l-oġġetti evakwati ġew ikkonsolidati f'kollezzjoni fi ħdan mużew; attwalment jagħmlu parti minn kollezzjoni tal-Mużew Statali tal-Istorja Armena f'Yerevan.[32] Kulma tħalla fis-sit, iktar 'il quddiem insteraq jew inqered.[33] It-Turkija arrendiet fl-aħħar tal-Ewwel Gwerra Dinjija u dan wassal għar-restawr ta' Ani li reġgħet taħt il-kontroll tal-Armeni, iżda reġa' kien hemm offensiva kontra r-Repubblika tal-Armenja fl-1920 u t-Turkija reġgħet ħakmet lil Ani. Fl-1921, l-iffirmar tat-Trattat ta' Kars ifformalizza l-inkorporazzjoni tat-territorju ta' Kars, inkluż Ani, fir-Repubblika tat-Turkija.[34]

F'Mejju 1921, il-ministru tal-gvern Rıza Nur ordna lill-kmandant tal-Front tal-Lvant, Kazım Karabekir, biex il-monumenti ta' Ani "jinqerdu minn wiċċ id-dinja".[35] Karabekir jirrakkonta fil-memorji tiegħu li huwa rrifjuta dan il-kmand kategorikament u qatt ma wettaq il-kmand.[36] Xi ftit qerda seħħet, inkluż il-biċċa l-kbira tal-iskavi u tat-tiswijiet fil-binjiet li kien wettaq Marr.[37] F'Ottubru tal-istess sena, ġie ffirmat trattat separat bejn it-Turkija u l-RSFSR, fejn ġiet ikkonfermata l-fruntiera bejn it-Turkija u r-Repubblika Sovjetika tal-Armenja kif inhi sa llum il-ġurnata. In-negozjatur Russu Ganeckij ta' dan it-trattat ipprova jinkludi lil Ani fir-Repubblika Sovjetika tal-Armenja, iżda Karabekir ma qabilx.[38]

Matul il-Gwerra Bierda, Ani kienet tinsab tul il-fruntiera Torka-Sovjetika, li kienet segment tal-Purtiera tal-Ħadid.[39] Fis-snin 50 tas-seklu 20, Ani kienet parti mit-talbiet territorjali tal-Unjoni Sovjetika fir-rigward tat-Turkija. Fl-1968 saru negozjati bejn l-Unjoni Sovjetika u t-Turkija, fejn Ani kellha tiġi ttrasferita lill-Armenja Sovjetika bi tpartit ma' żewġ villaġġi Kurdi lit-Turkija, madankollu xejn ma twettaq wara t-taħditiet.[40]

Qagħda attwali

[immodifika | immodifika s-sors]

Illum il-ġurnata, skont il-gwidi tal-ivvjaġġar ewlenin bħal Lonely Planet u Frommer dwar it-Turkija:

Ma hemmx bżonn permess uffiċjali iktar biex iżżur is-sit ta' Ani. Kemm tmur fil-post u tixtri biljett. Jekk ma jkollokx il-karozza tiegħek, tista' tiġġebbed ma' sewwieq tat-taksi jew ta' xi vann f'Kars biex jieħdok lejn Ani u jġibek lura, u forsi tista' taqsam l-ispejjeż ma' xi vjaġġaturi oħra interessati. Jekk ikollok xi diffikultà, l-Uffiċċju għat-Turisti jista' jkun ta' għajnuna. Wieħed għandu jippjana li jqatta' mill-inqas nofs jum f'Ani. Mhix idea ħażina li wieħed iġib miegħu x'jiekol u flixkun ilma x'jixrob.[41]

Matul il-Gwerra Bierda, u sal-2004, permezz mill-Ministeru Tork għall-Kultura kien meħtieġ biex iżżur is-sit. F'ċertu punt fis-snin 90 tas-seklu 20, il-fotografija ġiet ipprojbita, peress li s-sit kien jinsab tul il-fruntiera Torka-Sovjetika dak iż-żmien.[42]

L-affreski fuq ġewwa tal-Knisja ta' San Girgor ta' Tigran Honents

Min-naħa Armena tal-Fruntiera, fil-Provinċja ta' Shirak, ġie stabbilit torri ta' osservazzjoni ħdejn il-villaġġ ta' Haykadzor, flimkien ma' tabella bl-informazzjoni, iżda l-veduta hija pjuttost mill-bogħod. Il-veduta mit-torri ta' sorveljanza ta' Kharkov hija eċċellenti, iżda l-aċċess huwa ristrett mit-truppi tal-fruntiera u minn persunal militari Russu. Il-permess biex wieħed iżur dan it-torri jingħata b'xejn mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin f'Yerevan u jirrikjedi ġimgħa biex jinħareġ.[43]

Skont ir-rivista The Economist, l-Armeni "akkużaw lit-Torok li ttraskuraw is-sit bi spirtu ta' xoviniżmu. It-Torok min-naħa tagħhom isostnu li l-fdalijiet ta' Ani ġew mheżża mill-isplużjonijiet f'barriera fuq in-naħa Armena tal-fruntiera".[4]

Kummentatur ieħor isostni: Ani issa hija belt fantażma, li ilha mhux abitata għal iktar minn tliet sekli u tinsab fi ħdan żona militari Torka mal-fruntiera magħluqa bejn it-Turkija u r-Repubblika moderna tal-Armenja. L-istorja reċenti ta' Ani kienet waħda ta' qerda kontinwa u dejjem tiżdied. It-telqa, it-terremoti, it-"tindif" kulturali, il-vandaliżmu, it-tħaffir fil-barrieri, ir-restawr u l-iskavi dilettanteski – dawn kollha u iktar kellhom impatt kbir fuq il-monumenti ta' Ani.

Skont l-istimi tal-Fondazzjoni tal-Postijiet Ikoniċi (bl-Ingliż: Landmarks Foundation), organizzazzjoni mingħajr skop ta' profitt stabbilita għall-protezzjoni tas-siti sagri, din il-belt antika "jeħtieġ li tiġi protetta tkun xi tkun il-ġurisdizzjoni tagħha. It-terremoti fl-1319, fl-1832, u fl-1988, il-prattika tal-armata bl-isparar lejn bersall u t-telqa ġenerali kollha kemm huma kellhom effetti devastanti fuq l-arkitettura tal-belt. Il-belt ta' Ani huwa post sagru li jeħtieġ protezzjoni kontinwa".[44]

Dan l-aħħar l-awtoritajiet tat-Turkija qed jgħidu li se jagħmlu l-almu tagħhom biex jikkonservaw u jiżviluppaw is-sit u l-Ministeru għall-Kultura elenka s-sit ta' Ani fost is-siti li l-iktar jisħoqqilhom konservazzjoni. Fi kliem Mehmet Ufuk Erden, il-gvernatur lokali: "Permezz tar-restawr ta' Ani, se nagħtu kontribut lill-umanità... Se nibdew bi knisja waħda u moskea waħda, u maż-żmien se ninkludu kull monument".[7]

F'rapport ta' Ottubru 2010 bit-titlu Saving Our Vanishing Heritage (Insalvaw il-Wirt li qed Jisparixxi Tagħna), il-Fond għall-Wirt Globali identifika lil Ani bħala wieħed minn 12-il sit madwar id-dinja li qiegħed l-iktar "f'xifer l-irdum" li ssirlu ħsara irreparabbli jew jinqered għalkollox, u kkwota n-nuqqas ta' biżżejjed ġestjoni u s-serq bħala l-kawżi primarji.[45]

Il-Fond Dinji għall-Monumenti qiegħed lil Ani fil-listi tiegħu tal-1996, tal-1998, u tas-sena 2000 tal-Iktar 100 Sit fil-Periklu. F'Mejju 2011, il-Fond Dinji għall-Monumenti ħabbar li kienet qed tibda xi xogħol ta' konservazzjoni fuq il-katidral u l-Knisja tar-Redentur Imqaddes bi sħubija mal-Ministeru Tork għall-Kultura.[46]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Veduta panoramika tas-swar ta' Ani

F'Marzu 2015, ġie rrapportat li t-Turkija kienet se tinnomina lil Ani bħala sit indikattiv biex is-sena ta' wara jitqies biex jiżdied fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[47] Is-Sit Arkeoloġiku ta' Ani ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-15 ta' Lulju 2016.[13][48] Skont l-istoriku tal-arti Heghnar Zeitlian Watenpaugh, din id-deżinjazzjoni "kienet se tiżgura benefiċċji sinifikanti għall-protezzjoni, għall-għarfien espert tar-riċerka, u għall-fondi".[49]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) twettqu f'Ani; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[13]

Monumenti ta' Ani

[immodifika | immodifika s-sors]

L-istrutturi kollha ta' Ani nbnew bil-bażalt vulkaniku lokali, tip ta' ġebla qisha t-tufu. Din il-ġebla faċilment tinqata' u titnaqqax u għandha varjetà ta' kuluri vibranti, mill-isfar imċajpar, għar-roża fl-aħmar, għall-iswed tuta. L-iżjed monumenti importanti li għadhom eżistenti huma dawn li ġejjin hawn taħt.

Il-Katidral ta' Ani

Magħruf ukoll bħala Surp Asdvadzadzin (il-Knisja ta' Omm Alla l-Imqaddsa), il-kostruzzjoni tiegħu nbdiet fid-989, taħt ir-Re Smbat II. Ix-xogħol waqaf wara mewtu, u tlesta biss fl-1001 (jew fl-1010 skont interpretazzjoni oħra tal-kitba mnaqqxa fuq il-binja). Id-disinn tal-katidral kien xogħol Trdat, l-iżjed arkitett rinomat tal-Armenja Medjevali. Il-katidral huwa bażilika b'koppla (il-koppla ċediet fl-1319). Fuq ġewwa hemm diversi karatteristiċi progressivi (bħall-użu tal-ħnejjiet ippuntati u pjattaformi raggruppati fuq pilastri) li jagħtuha d-dehra tal-arkitettura Gotika (stil li l-katidral ta' Ani wasal qablu b'diversi sekli).[50]

Il-Knisja ta' Surp Stephanos

[immodifika | immodifika s-sors]

Ma hemm l-ebda kitba mnaqqxa li tindika d-data tal-kostruzzjoni, iżda editt bil-lingwa ta' Georgia huwa datat fl-1218. Il-knisja ssir referenza għaliha bħala "tal-Georgia". Dak iż-żmien, "tal-Georgia" ma kinitx sempliċement tfisser etnikament minn dak il-pajjiż, iżda kienet tfisser ukoll ta' fidi Kalċedonjana, jiġifieri denominazzjoni mogħtija lill-prattikanti ta' dik il-fidi, l-iktar Armeni. Għalkemm il-Knisja ta' Georgia kkontrollat din il-knisja, il-kongregazzjoni tagħha x'aktarx li kienu l-iktar Armeni.[51]

Il-Knisja ta' San Girgor ta' Tigran Honents

[immodifika | immodifika s-sors]

Din il-knisja, li tlestiet fl-1215, hija l-iżjed monument ippreservat tajjeb f'Ani. Inbniet matul it-tmexxija taz-Zakaridi u kienet ikkummissjonata mill-merkant għani Armen Tigran Honents.[52] Il-pjanta tagħha hija ta' tip imsejjaħ sala bil-koppla. Quddiem id-daħla tagħha hemm il-fdalijiet ta' narthex u ta' kappella żgħira li nbnew kemxejn wara. Fuq barra, il-knisja ġiet imżejna b'mod spettakolari. Tinqix mirqum fil-ġebel ta' annimali reali u immaġinarji jiksi l-pinnaklu bejn l-arkata għamja madwar l-erba' naħat tal-knisja. Fuq ġewwa, hemm serje unika u importanti ta' ċikli ta' affreski dwar żewġ temi prinċipali. Fit-terz tal-Lvant tal-knisja l-affreski juru l-Ħajja ta' San Girgor l-Illuminatur, filwaqt li fit-terz tan-nofs tal-knisja l-affreski juru l-Ħajja ta' Kristu. Ċikli ta' affreski estensivi bħal dawn huma karatteristiċi rari fl-arkitettura Armena – huwa maħsub li dawn iċ-ċikli ta' affreski twettqu minn artisti mill-Georgia. Iċ-ċikli jinkludu xeni mill-ħajja ta' San Nino, li kkonverta lin-nies mill-Georgia għall-Kristjaneżmu. Fin-narthex u fil-kappella żgħira għad hemm frammenti ta' affreski li għandhom stil iktar Biżantin.[53]

Il-Knisja tar-Redentur Imqaddes

Il-Knisja tar-Redentur Imqaddes

[immodifika | immodifika s-sors]

Din il-knisja tlestiet ftit wara l-1035. Kellha disinn uniku: esternament kellha 19-il naħa u internament kellha tmien apsidi, b'koppla ċentrali enormi stabbilita fuq tanbur għoli. Il-knisja nbniet mill-Prinċep Ablgharib Pahlavid biex tħaddan framment tas-Salib ta' Kristu. Il-knisja kienet kważi intatta sal-1955, meta n-nofs kollu tal-Lvant tagħha ċeda u ġġarraf waqt maltempata.[54]

Il-Knisja ta' San Girgor tal-Abughamrents

[immodifika | immodifika s-sors]

Din il-binja żgħira x'aktarx li tmur lura għall-aħħar tas-seklu 10. Inbniet bħala kappella privata għall-familja Pahlavuni. Il-mawżolew tagħhom, li nbena fl-1040 u li issa fadal biss il-pedamenti tiegħu, kien inbena faċċata tan-naħa tat-Tramuntana tal-knisja. Il-knisja għandha pjanta ċentralizzata, b'koppla fuq tanbur, u fuq ġewwa fiha sitt exedera.[55]

Il-Knisja ta' San Girgor tar-Re Gagik

[immodifika | immodifika s-sors]

Magħrufa wkoll bħala l-Gagikashen, din il-knisja nbniet bejn l-1001 u l-1005 u kienet maħsuba biex tkun riproduzzjoni tal-Katidral famuż ta' Zvartnots f'Vagharshapat. Nikolai Marr żvela l-pedamenti ta' din il-binja notevoli fl-1905 u fl-1906. Qabel dak iż-żmien, l-unika ħaġa viżibbli fis-sit kienet tumbata enormi tal-ħamrija u tat-tajn. Id-disinjatur tal-knisja kien l-arkitett Trdat. Huwa magħruf li l-knisja ġġarrfet żmien relattivament qasir wara l-kostruzzjoni tagħha u fuq il-fdalijiet tagħha iktar 'il quddiem inbnew xi djar. Id-disinn ta' Trdat isegwi mill-qrib id-disinn tal-Katidral ta' Zvartnotz kemm bħala daqs kif ukoll bħala pjanta (qalba kwadrifolja mdawra minn ambulatorju ċirkolari).[56]

Il-Knisja tal-Appostli Mqaddsa

[immodifika | immodifika s-sors]

Id-data tal-kostruzzjoni tagħha mhijiex magħrufa, iżda l-iżjed kitba mnaqqxa bikrija fuq il-ħitan tagħha hija mill-1031. Ġiet stabbilita mill-familja Pahlavuni u kienet tintuża mill-arċisqfijiet ta' Ani (bosta minnhom kienu jagħmlu parti minn dik id-dinastija). Għandha pjanta ta' tip imsejjaħ kwadrifolju mnaqqax b'erba' kompartimenti fl-irkejjen. Fadal biss xi frammenti minn din il-knisja, iżda hemm narthex b'lavur spettakolari fil-ġebla, man-naħa tan-Nofsinhar tal-knisja, li għadu parzjalment intatt. Dan il-lavur imur lura għall-bidu tas-seklu 13. Għadd ta' swali oħra, kappelli, u santwarji fl-imgħoddi kienu mibnija madwar din il-knisja: Nicholas Marr skava l-pedamenti tagħhom fl-1909, iżda issa l-biċċa l-kbira minnhom inqerdu.[57]

Il-moskea u l-minaret ta' Ani

Il-moskea ta' Manuchihr

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-moskea ngħatat isem il-fundatur preżunt tagħha, Manuchihr, l-ewwel membru tad-dinastija tax-Xaddadidi li mexxew lil Ani wara l-1072. L-eqdem parti eżistenti tal-moskea hija l-minaret tagħha li għadu intatt. Għandha l-kitba Għarbija Bismillah ("F'isem Alla") b'kalligrafija Kufi fil-għoli fuq il-faċċata tat-Tramuntana. Is-sala tat-talb, li għadha teżisti nofsha, inbniet iktar 'il quddiem (fis-seklu 12 jew 13). Fl-1906 il-moskea ġiet imsewwija parzjalment sabiex tospita mużew pubbliku ġo fiha bl-oġġetti li nstabu waqt l-iskavi ta' Nicholas Marr. F'Ġunju 2020 inbeda xi xogħol ta' restawr fuq il-moskea.[58]

Iċ-ċittadella

[immodifika | immodifika s-sors]

Fuq in-naħa tan-Nofsinhar ta' Ani hemm għolja b'quċċata ċatta li fl-imgħoddi kienet magħrufa bħala Midjnaberd (il-Fortizza ta' Ġewwa). Għandha l-ħitan difensivi tagħha li jmorru lura għall-perjodu meta d-dinastija Kamsarakan kienet tmexxi lil Ani (is-seklu 7 W.K.). Nicholas Marr skava l-għolja taċ-ċittadella fl-1908 u fl-1909. Huwa żvela l-fdalijiet estensivi tal-palazz tar-rejiet Bagratidi ta' Ani li kienu jokkupaw l-ogħla parti tal-għolja. Fi ħdan iċ-ċittadella huma viżibbli wkoll il-fdalijiet ta' tliet knejjes u diversi binjiet mhux identifikati. Waħda mill-knejjes, magħrufa bħala l-"Knisja tal-Palazz" hija l-eqdem knisja eżistenti f'Ani, u tmur lura mis-seklu 6 jew 7. Marr wettaq tiswijiet ta' emerġenza fuq din il-knisja, għalkemm issa l-biċċa l-kbira minnha ċediet u ġġarrfet – x'aktarx waqt xi terremot fl-1966.[59]

Is-swar tal-belt

[immodifika | immodifika s-sors]

Linja ta' ħitan/swar mad-dawra tal-belt kollha ta' Ani ntużaw għad-difiża tal-belt. L-iżjed difiżi b'saħħithom kienu jinsabu tul in-naħa tat-Tramuntana tal-belt, l-unika parti tas-sit li mhix protetta mix-xmajjar jew mill-irdumijiet. Hemmhekk il-belt kienet protetta b'linja doppja ta' ħitan, il-ħajt intern ferm itwal, b'intervalli ta' diversi torrijiet semiċirkolari kbar u spazjati qrib xulxin. Kronisti kontemporanji kitbu li r-Re Smbat (977-989) bena dawn is-swar. Iktar 'il quddiem, il-mexxejja differenti saħħewhom billi ħaxxnuhom u għollewhom iktar, u billi żiedu iktar torrijiet. Kitbiet imnaqqxa bl-Armen mis-sekli 12 u 13 juru li individwi privati ħallsu għal uħud minn dawn it-torrijiet il-ġodda. Il-ħitan tat-Tramuntana kellhom tliet daħliet, magħrufa bħala d-Daħla tal-Iljun, id-Daħla ta' Kars, u d-Daħla ta' Dvin (magħrufa wkoll bħala d-Daħla tal-Kaxxi b'Żewġ Kuluri minħabba panew ta' kaxxi kwadri ħomor u suwed tal-ġebel fuq din id-daħla).[60]

Monumenti oħra

[immodifika | immodifika s-sors]

Hemm bosta monumenti minuri oħra f'Ani. Dawn jinkludu kunvent magħruf bħala l-Kappella tal-Verġni; knisja użata mill-Armeni Kalċedonjani; il-fdalijiet ta' pont bi ħnehha waħda min-naħa għall-oħra tax-xmara Arpa; il-fdalijiet ta' bosta tagħmir tad-dris taż-żebbuġ u diversi binjiet bil-banjijiet; il-fdalijiet ta' moskea oħra b'minaret li ċeda u ġġarraf; palazz li x'aktarx imur lura għas-seklu 13; il-pedamenti ta' diversi palazzi oħra u residenzi iżgħar; il-fdalijiet skavi dan l-aħħar ta' diversi toroq b'bosta ħwienet fuq kull naħa; eċċ.

Villaġġ bl-Għerien

[immodifika | immodifika s-sors]

Ftit 'il barra minn Ani, kien hemm żona ta' insedjament imħaffra fl-irdumijiet. Jaf intużat bħala estensjoni urbana meta Ani kibret wisq iktar mis-swar ta' madwarha. Illum il-ġurnata, il-mogħoż u n-nagħaġ jieħdu vantaġġ mill-ambjent frisk tal-għerien biex jistkennu mix-xemx qalila jew il-maltemp. Attrazzjoni notevoli ta' din il-parti ta' Ani hija għar bl-affreski fuq il-ħitan u s-saqaf.

Ani huwa wieħed mill-iktar ismijiet femminili popolari li jingħataw fl-Armenja.

Inkitbu bosta kanzunetti u poeżiji dwar Ani u l-glorja tal-imgħoddi tagħha. Tesnem Anin u nor mernem (Տեսնեմ Անին ու նոր մեռնեմ, Ħallini nara lil Ani qabel immut) hija poeżija famuża miktuba minn Hovhannes Shiraz. Ġiet ikkonvertita f'kanzunetta mill-kompożitur Tork-Armen Cenk Taşkan. L-album tal-1999 ta' Ara Gevorgyan b'kanzunetti folkloristiċi jissejjaħ Ani.

Ditta Torka partikolari tal-fwejjaħ Nishane u l-ħallieq tal-fwejjaħ Cecile Zarokian ħolqu estratt ta' fwieħa msemmija Ani ddedikata lill-belt fl-2019, li ngħatat reċensjonijiet pożittivi fil-komunità tal-utenti u l-produtturi tal-fwejjaħ. L-arti li takkumpanja l-fwieħa turi waħda mill-knejjes ta' Ani.

  1. ^ Garsoïan, Nina G.; Taylor, Alice (1991), "Ani", in Kazhdan, Alexander (ed.), The Oxford Dictionary of Byzantium, Oxford University Press, ISBN 9780195046526.
  2. ^ Anni. II. Miġbur 2022-04-05.
  3. ^ "Building a dialogue atop old ruins of Ani". web.archive.org. 2016-07-12. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-07-12. Miġbur 2022-04-05.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  4. ^ a b ċ d e Barthold, W. & Minorsky, V. (1960). "Ānī". In Gibb, H. A. R.; Kramers, J. H.; Lévi-Provençal, E.; Schacht, J.; Lewis, B. & Pellat, Ch. (eds.). The Encyclopaedia of Islam, New Edition, Volume I: A–B. Leiden: E. J. Brill.
  5. ^ Hakobyan, Tadevos. (1980). Anii patmutyun, hnaguyn zhamanaknerits minchev 1045 t. [The History of Ani, from Ancient Times Until 1045], vol. 1. Yerevan: Yerevan State University Press, pp. 214–217.
  6. ^ "Armenian Architecture - VirtualANI - The Cathedral of Ani". www.virtualani.org. Miġbur 2022-04-05.
  7. ^ a b "Haunted by history". The Economist. 2006-06-15.
  8. ^ Talbot Rice, David (1972). The Appreciation of Byzantine Art. Oxford University Press. p. 179.
  9. ^ Joel Mokyr. The Oxford Encyclopedia of Economic History. Oxford: Oxford University Press, 2003, p. 157.
  10. ^ a b ċ d Ghafadaryan, Karo (1974). "s.v. Ani". Armenian Soviet Encyclopedia Volume I (bl-Armen). Armenian Academy of Sciences. pp. 407–412.
  11. ^ Ani after Ani: Eleventh to Seventeenth Centuries, in Armenian Kars and Ani, ed. Richard G. Hovannisian, Costa Mesa, CA: Mazda Publishers, 2011, pp. 163–64.
  12. ^ Panossian, Razmik (2006). The Armenians: From Kings and Priests to Merchants and Commissars. New York: Columbia University Press. ISBN 9780231139267. p. 60.
  13. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Archaeological Site of Ani". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-05.
  14. ^ "Ancient city of Ani dazzles visitors". Hürriyet Daily News (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-05.
  15. ^ Hasratyan, Murad (2011). "Անիի ճարտարապետությունը [Architecture of Ani]". Patma-Banasirakan Handes (3): 8.
  16. ^ "Հայկական Հանրագիտարան". www.encyclopedia.am. Miġbur 2022-04-05.
  17. ^ Chisholm, Hugh, ed. (1911), "Ani" , Encyclopædia Britannica, vol. 2 (11th ed.), Cambridge University Press, p. 47.
  18. ^ Whittow, Mark (1996). The Making of Byzantium, 600–1025. Berkeley: University of California Press. pp. 213–214. ISBN 978-0-520-20497-3.
  19. ^ Garsoian, Nina. "The Arab Invasions and the Rise of the Bagratuni (649–684)" in The Armenian People from Ancient to Modern Times, Volume I, The Dynastic Periods: From Antiquity to the Fourteenth Century, ed. Richard G. Hovannisian. New York: St Martin's Press, 1997, p. 146. ISBN 978-0-312-10169-5.
  20. ^ Redgate, Anne Elizabeth. The Armenians. Oxford: Blackwell Publishers, 1998, p. 210.
  21. ^ Manuk-Khaloyan, Armen, "In the Cemetery of their Ancestors: The Royal Burial Tombs of the Bagratuni Kings of Greater Armenia (890-1073/79)", Revue des Études Arméniennes 35 (2013): 147–155.
  22. ^ Whittow. Making of Byzantium, p. 383.
  23. ^ Norwich, John Julius (1991). Byzantium: The Apogee. New York: Viking. pp. 342–343. ISBN 978-0-394-53779-5.
  24. ^ Georgian National Academy of Sciences, Kartlis Tskhovreba (History of Georgia), Artanuji pub. Tbilisi 2014
  25. ^ Lordkipanidze, Mariam (1987). Georgia in the XI-XII Centuries. Tbilisi: Genatleba. p. 150.
  26. ^ Sinclair, T. A. Eastern Turkey: An Architectural and Archaeological Survey, vol. 1 (London: Pindar Press, 1987), p. 444.
  27. ^ Bryce, James (1878). Transcaucasia and Ararat: Being Notes of a Vacation Tour in Autumn of 1876 (3rd ed.). London: Macmillan and Co., p. 301.
  28. ^ Kalantar, Ashkharbek, The Mediaeval Inscriptions of Vanstan, Armenia, Civilisations du Proche-Orient: Series 2 – Philologie – CDPOP 2, Vol. 2, Recherches et Publications, Neuchâtel, Paris, 1999; ISBN 978-2-940032-11-2.
  29. ^ Marr, Nicolas (2001). Ani – Rêve d'Arménie. Anagramme Editions. ISBN 978-2-914571-00-5.
  30. ^ Contributor, Guest (2011-11-29). "The God-Borne Days of Ani". The Armenian Weekly (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-05.
  31. ^ Hakobyan, Tadevos (1982). Anii patmutyun, 1045 t. minchev ankumn u amayatsume [The History of Ani, from 1045 Until its Collapse and Abandonment], vol. 2 (in Armenian). Yerevan: Yerevan State University Press. pp. 368–386.
  32. ^ Kalantar, Ashkharbek (1994). Armenia from the Stone Age to the Middle Ages. Recherches et Publications. ISBN 978-2-940032-01-3.
  33. ^ Marr, Nikolai Y. "Ani, La Ville Arménniene en Ruines", Revue des Études Arméniennes 1 (1921).
  34. ^ Zohrabyan, Edik A. (1979). Sovetakan Rusastane yev hay-turkakan haraberutyunnere, 1920–1922 tt. [Soviet Russia and Armenian-Turkish relations, 1920–1922]. Yerevan: Yerevan State University Press, pp. 277–80.
  35. ^ Dadrian, Vahakn N. (1986). "The Role of Turkish Physicians in the World War I Genocide of Ottoman Armenians". Holocaust and Genocide Studies. Oxford University Press. 1 (2): 192.
  36. ^ Karabekir, Kazım (1960). İstiklal Harbimiz [Our War of Independence] (bit-Tork). Istanbul: Türkiye Yayınevi. pp. 960–970.
  37. ^ "Armenian Architecture - VirtualANI - A History Of The City: Part Three". web.archive.org. 2007-01-26. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-01-26. Miġbur 2022-04-05.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  38. ^ Kobro, Georg (1991). Das Gebiet von Kars und Ardahan. Munich: Niemanis Verlag. p. 209. ISBN 3910100007.
  39. ^ "Ani viewpoint & Iron Curtain, Armenia - Dark Tourism - the guide to dark travel destinations around the world". www.dark-tourism.com. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-12-09. Miġbur 2022-04-05.
  40. ^ "Caucasus: Ancient City of Ani Is So Close, Yet So Far". RadioFreeEurope/RadioLiberty (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-05.
  41. ^ "Doğubayazıt, Eastern Turkey". Turkey Travel Planner (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-05.
  42. ^ "Armenian Architecture - VirtualANI - the Permit to Visit Ani". virtualani.org. Miġbur 2022-04-05.
  43. ^ "Ani viewpoint & Iron Curtain, Armenia - Dark Tourism - the guide to dark travel destinations around the world". www.dark-tourism.com. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-12-09. Miġbur 2022-04-05.
  44. ^ "Landmarks Foundation - Projects, Ani Turkey". web.archive.org. 2008-05-26. Arkivjat mill-oriġinal fl-2008-05-26. Miġbur 2022-04-05.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  45. ^ "Global Heritage Fund | GHF". web.archive.org. 2011-04-22. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-04-22. Miġbur 2022-04-05.
  46. ^ "Press release" (PDF).
  47. ^ "Work ongoing to put Ani on UNESCO heritage list". Hürriyet Daily News (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-05.
  48. ^ "Five sites inscribed on UNESCO's World Heritage List | United Nations Educational, Scientific and Cultural Organization". www.unesco.org. Miġbur 2022-04-05.
  49. ^ Staff, Weekly (2016-07-15). "Ani Included on UNESCO World Heritage List". The Armenian Weekly (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-05.
  50. ^ "VirtualANI - The Cathedral of Ani". web.archive.org. 2007-01-20. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-01-20. Miġbur 2022-04-05.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  51. ^ "Armenian Architecture - VirtualANI - The Georgian Church". www.virtualani.org. Miġbur 2022-04-05.
  52. ^ Coureas, Nicholas; Edbury, Peter; Walsh, Michael J.K. (2012). Medieval and Renaissance Famagusta : Studies in Architecture, Art and History. Farnham: Ashgate. p. 139. ISBN 978-1409435570.
  53. ^ "VirtualANI - The Church of Tigran Honents". web.archive.org. 2007-05-22. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-05-22. Miġbur 2022-04-05.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  54. ^ "VirtualANI - The Church of the Redeemer at Ani". web.archive.org. 2007-01-20. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-01-20. Miġbur 2022-04-05.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  55. ^ "Armenian Architecture - VirtualANI - Church of Saint Gregory of the Abughamir's". web.archive.org. 2007-05-24. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-05-24. Miġbur 2022-04-05.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  56. ^ "Armenian Architecture - VirtualANI - Gagikashen Church". web.archive.org. 2007-09-26. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-09-26. Miġbur 2022-04-05.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  57. ^ "VirtualANI - The Church of the Holy Apostles at Ani". web.archive.org. 2007-02-16. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-02-16. Miġbur 2022-04-05.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  58. ^ "VirtualANI - The Mosque of Minuchihr". web.archive.org. 2007-01-20. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-01-20. Miġbur 2022-04-05.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  59. ^ "VirtualANI - The Citadel of Ani and its Churches". web.archive.org. 2007-06-03. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-06-03. Miġbur 2022-04-05.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  60. ^ "Armenian Architecture - VirtualANI - The Lion Gate". web.archive.org. 2007-07-17. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-07-17. Miġbur 2022-04-05.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)