Aqbeż għall-kontentut

Kastelli ta' Augustusburg u Falkenlust fi Brühl

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Kastell ta' Augustusburg

Il-Kastelli ta' Augustusburg u Falkenlust fi Brühl jiffurmaw kumpless ta' binjiet storiċi fi Brühl, Nord Rhein-Westfalen, il-Ġermanja. Il-binjiet huma kkollegati permezz ta' ġonna spazjużi u s-siġar tax-Schlosspark. Mibnija fil-bidu tas-seklu 18, il-kastelli u l-ġonna tal-madwar jitqiesu bħala kapulavuri tal-arkitettura tar-Rokokò bikri u fl-1984 ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1] Il-Kastell ta' Augustusburg (bil-Ġermaniż: Schloss Augustusburg) u l-parks tiegħu jintużaw ukoll għall-Kunċerti tal-Kastelli ta' Brühl.

Il-faċċata tirrifletti tal-Kastell ta' Augustusburg fil-vaska tal-ġnien fin-Nofsinhar

Il-Kastell ta' Augustusburg inbena fuq il-pedamenti ta' kastell Medjevali fl-1725. Ġie ppjanat u ffinanzjat mill-Arċisqof-Elettur ta' Köln, Clemens August tal-Bavarja tal-familja Wittelsbach, u ddisinjat mill-arkitetti Johann Conrad Schlaun u François de Cuvilliés. Ftit wara, François de Cuvilliés iddisinja l-loġġa tal-kaċċa ta' Falkenlust lejn ix-Xlokk biex Clemens August seta' jipprattika l-falkunerija, u l-loġġa nbniet mill-1729 sal-1740.[2]

Il-ġonna elaborati madwar il-Kastell ta' Augustusburg ġew iddisinjati minn Dominique Girard. Ġie ddisinjat ukoll parterre elaborat għal żona fin-Nofsinhar tal-kastelli, iżda ġiet ristrutturata minn Peter Joseph Lenné fis-seklu 19 u mibdula fi ġnien pajsaġġistiku. It-tentattivi ta' rinnovazzjoni taż-żona kienu diffiċli, minħabba li ma tantx kien hemm disponibbiltà tal-materjal sors.[3]

Minn ftit wara t-Tieni Gwerra Dinjija sal-1994, il-Kastell ta' Augustusburg intuża bħala sala ta' riċeviment għall-mistednin tal-istat mill-President Ġermaniż, peress li mhuwiex 'il bogħod minn Bonn, li kienet il-belt kapitali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja dak iż-żmien.

Il-Loġġa tal-Kaċċa ta' Falkenlust

Il-kumpless tal-kastelli jikkonsisti mill-Kastell ta' Augustusburg u l-loġġa tal-kaċċa iżgħar ta' Falkenlust li tinsab bejn wieħed u ieħor mil 'il bogħod lejn ix-Xlokk. Il-blokka prinċipali tal-Kastell ta' Augustusburg hija binja b'għamla tal-ittra U bi tliet sulari ewlenin u żewġ livelli ta' attiċi. It-tliet sulari huma magħmula bil-brikks u miksija bit-tkaħħil. Żewġ għelieqi bis-siġar tal-larinġ jinsabu maġenb il-binja prinċipali fit-Tramuntana u fin-Nofsinhar. It-taraġ prinċipali mill-isbaħ ġie ddisinjat minn Johann Balthasar Neumann u huwa magħmul mill-irħam, mid-djaspru u mill-istukko elaborat. Il-ġnien prinċipali direttament fin-Nofsinhar tal-Kastell ta' Augustusburg huwa parterre kumpless qisu rakkmu, b'erba' funtani u vaska li tirrifletti, b'mogħdijiet bis-siġar tal-ixkomp. Hemm mogħdija minnhom li tgħaddi djagonalment lejn in-Nofsinhar minn dan il-ġnien sal-loġġa tal-kaċċa ta' Falkenlust.

Il-loġġa tal-kaċċa ta' Falkenlust inbniet bl-istil ta' dar tal-villeġġjaturi, u ġiet ispirata mil-loġġa tal-kaċċa ta' Amalienburg fil-park tal-Palazz ta' Nymphenburg fi Munich. Il-binja prinċipali fiha żewġ sulari, u maġenbha żewġ binjiet oħra ta' sular kull wieħed li kienu jospitaw il-falkuni tal-arċisqof-elettur. Fil-pjan terran hemm ukoll salott ovali.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-faċċata tal-Punent tal-Kastell ta' Augustusburg

Il-Kastelli ta' Augustusburg u Falkenlust fi Brühl ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1984.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

Biblijografija

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Paul Clemen: Die Kunstdenkmäler der Rheinprovinz: Der Landkreis Köln. Düsseldorf 1897, S. 79–111. (Düsseldorf 1983, ISBN 3-590-32118-0.)
  • Wilfried Hansmann: Schloss Augustusburg zu Brühl. (= Rheinische Kunststätten, Heft 23.) 6. veränderte Auflage, Rheinischer Verein für Denkmalpflege und Heimatschutz, Neuss 1990.
  • Wilfried Hansmann: Das Jagdschloss Falkenlust zu Brühl. (= Rheinische Kunststätten, Heft 149.) 6. neubearbeitete Auflage, Rheinischer Verein für Denkmalpflege und Heimatschutz, Neuss 1990.
  • Bernd Löhmann: Ein Garten für König und Volk. Peter Joseph Lenné und der Brühler Schloßgarten. Rheinischer Verein für Denkmalpflege und Landschaftsschutz, Köln 2000, ISBN 3-88094-861-5.
  • Wilfried Hansmann: Die Schlösser Augustusburg und Falkenlust in Brühl. Wernersche Verlagsgesellschaft, Worms 2002: Band 1: Schloss Augustusburg in Brühl: Hardcover: ISBN 978-3-88462-188-2, Paperback: ISBN 978-3-88462-515-6; Band 2: Schloss Falkenlust in Brühl: Hardcover: ISBN 978-3-88462-189-9, Paperback: ISBN 978-3-88462-516-3.
  • Wilfried Hansmann: Carlo Carlone. Gemälde und Farbskizzen in Schloss Augustusburg zu Brühl. Verwaltung Schloss Brühl, Brühl 2004.
  • Wilfried Hansmann, Wilhelm Joliet: „Viel Tausend Vergnügen“ mit Falken und Reihern. Die Rotterdamer Fliesen und Fliesentableaus in Schloss Falkenlust zu Brühl. Verwaltung Schloss Brühl, Brühl 2004.
  • Wilfried Hansmann, Marc Jumpers, Holger Kempkens, Christiane Winkler: Schloss Augustusburg in Brühl. Deutscher Kunstverlag, Münich / Berlin 2010, ISBN 978-3-422-02265-2.
  • Frank Kretzschmar, Susanne Carp, Susanne Conrad, Martin Hammer: Die Brühler Schlösser und Parkanlagen. Pflege, Restaurierung und Erkenntnisse 1999-2014. (= Arbeitsheft der rheinischen Denkmalpflege, Band 82.) Worms 2016. ISBN 978-3-88462-365-7.
  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Castles of Augustusburg and Falkenlust at Brühl". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-19.
  2. ^ Wilfried Hansmann: Die große Gesandtentreppe von Schloss Versailles und ihre Nachwirkungen auf die Treppenhäuser der Schlösser in Pommersfelden und Brühl. INSITU 2018/1. ISSN 1866-959X, S. 83–108.
  3. ^ UNESCO-Welterbestätte Schlösser Augustusburg und Falkenlust in Brühl (Hrsg.): Eine Republik rollt den Teppich aus: Staatsempfänge auf Schloss Augustusburg (1949–1996). Deutscher Kunstverlag, Münich 2008, ISBN 978-3-422-02127-3, S. 131.